Il-Kardinal Luis Tagle qal li l-valuri ta’ Kristu għandhom isawru l-mezzi soċjali u li dawn ukoll jeħtieġu li jiġu evanġelizzati fid-dawl tal-fatt li fuqhom hemm ukoll il-korruzzjoni u s-serq tal-identità. Tagle semma bħala eżempju meta skopra li hemm profili foloz fuq Facebook b’ismu u bl-informazzjoni dwaru. Saħaq iżda li grazzi għat-teknoloġija u l-mezzi soċjali l-Evanġelju jinxtered fir-realtà diġitali imma hemm bżonn li jkun hemm il-valuri ta’ Kristu: il-verità, is-sinċerità, il-ġustizzja u l-imħabba.

Il-Kardinal Tagle kien f’pajjiżna fuq stedina tal-Fakultà tat-Teoloġija u l-Għaqda Studenti tat-Teoloġija biex jindirizza l-Aquinas Lecture ta’ din is-sena.

Mistoqsi x’laqtu l-aktar f’Malta, Tagle stqarr li huma n-nies. Hu qal li din mhux l-ewwel darba li ltaqa’ mal-Maltin minħabba l-ħidma li kellu ma’ ħafna missjunarji Maltin. Kompla jgħid li għal pajjiż żgħir Malta bagħtet ħafna u ħafna missjunarji fl-erba rjiħat tad-dinja, “rigal kbir ta’ Malta lid-dinja.”

Tagle iffoka ħafna mill-ħidma ta’ evanġelizazzjoni tiegħu fuq il-familja u r-refuġjati. Dwar il-Maltin li ma jaċċettawx lil migranti Tagle qal li l-ewwel nett ma għandniex niġġudikaw għaliex dawn jaf għandhom ir-raġunijiet tagħhom għal dawn id-deċiżjonijiet. “Nappellaw lil kulħadd, b’mod speċjali lil Insara. Aħna kollha kemm aħna pellegrini fi vjaġġ u ħadd ma jista’ jgħid hawnhekk tiegħi. Hemm sid wieħed biss fid-dinja u hu Alla” stqarr il-Kardinal. Kompla billi qal li Ġesù nnifsu sar refuġjat ma’ Marija u Ġużeppi u kif fl-aħħar tad-dinja se nkunu mistoqsija jekk tajnix kenn lil dak ir-refuġjat li kien qed ifittex l-għajnuna. Għandna naraw lil Kristu fir-refuġjat li jrid jintlaqa’.

Fl-uffiċini ta’ Missio Malta fejn saret din l-intervista staqsejnih dwar il-missjoni anke fil-kuntest tal-istqarrija li “l-missjoni hija fil-qalb tal-Knisja.” Tagle saħaq li l-ħidma ta’ Missio Malta tfakkar lil dawk kollha mgħammda f’din il-karatteristika fundamentali tal-Insara – l-missjoni, u qal li bil-programmi tagħha Missio tanima dan is-sens ta’ missjoni. “Grazzi għal Missio Malta l-Knisja hija magħquda mal-kumplament tal-ħidma Kattolika espressa bit-talb, is-solidarjetà u anke l-assistenza finanzjarja biex tanima l-identità missjunarja” temm jgħid il-Kardinal li tkellem ħafna fuq kif wieħed għandu jilqa’ lil kulħadd.

Sors: Newsbook.com.mt

Filmati u muntaġġ: Miguela Xuereb