Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett ta’ l-alabastru biż-żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; mbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba?” Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.””Għid, mgħallem?” qallu dak. “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?” Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.””Ħsibtha tajjeb?” qallu Ġesù. Mbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, nħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” Mbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.” Dawk li kienu fuq il-mejda miegħu bdew jgħidu fihom infushom: “Dan min hu biex jaħfer id-dnubiet ukoll?” Iżda hu qal lill-mara: “Il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliem.” Wara dan huwa qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jippriedka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten, Ġwanna, mart Ħuża, prokuratur ta’ Erodi, Susanna, u ħafna oħrajn, li kienu jaqduhom minn ġidhom.