St Peter's

Il-Papa Benedittu XVI iddefenda bil-qawwa kollha iċ-ċelebat tas-saċerdoti. Meta kien qed jindirizza mal-10,000 saċerdot fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, il-Papa sejjaħ iċ-ċelebat sinjal ta’ fidi f’dinja dejjem aktar sekulari.

Fl-attivita tas-saċerdoti li waslu minn iktar minn 90 pajjiż differenti għall-għeluq tas-sena ddedikata lilhom, il-Papa m’għamel ebda referenza għall-każi ta’ pedofelija fi ħdan il-Knisja. Din l-attivita tqieset l-iktar waħda li rat saċerdoti miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan.

Illum il-Papa għandu jagħlaq l-attivitajiet marbuta mas-Sena ddedikata lis-Saċerdoti b’quddiesa. Numru kbir ta’ saċerdoti li ma  kienux preżenti fil-Vatikan, xorta ngħaqdu permezz ta’ trasmissjoni bis-satellita u kellhom ukoll l-opportunita jagħtu sehemhom fis-sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba mill-Papa. Filwaqt li ma saret l-ebda referenza għall-każi ta’ allegat abbuż minn saċerdoti fuq it-tfal, L’Osservatore Romano ikkummenta f’editorjal li telaq mill-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal li l-ġrieħi kkawżati minn dawn l-abbużi jridu ż-żmien biex jitfejqu.

Intant, l-Arċisqof ta’ Malta Pawlu Cremona jinsab Ruma għall-kungress organizzat mill-Kongregazzjoni tal-Kleru mmirat li joffri firxa ta’ laqgħat u ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Il-mira tiegħu hi li jgħin lis-saċerdoti biex jikbru iżjed fl-għarfien tal-vokazzjoni tagħhom u biex iġeddu l-impenn tagħhom tas-saċerdozju.

L-Arċisqof jinsab akkumpanjat minn 20 saċerdot minn Malta u Għawdex. Tmiem il-Kungress illum jaħbat mal-Festa tal-Qalb ta’ Gesu’. Il-grupp minn Malta kellu opportunita’ iżur in-Necropolis – ċimiterju taħt il-Bażilika ta’ San Pietru fejn, skont it-tradizzjoni, hemm midfun San Pietru.