Darba waħda, is-Sibt, Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa. Issa lid-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ; u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh. Imma rawhom il-Fariżej, u qalulu: “Ara, id-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt. ” U hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta kien bil-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu? Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma kienu jistgħu jieklu minnu, imma l-qassisin biss? Jew ma qrajtux fil-Liġi li nhar ta’ Sibt il-qassisin fit-tempju jiksru s-Sibt bla ma jonqsu? Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju. Li kieku kontu tafu xi jfissru l-kelmiet, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’, ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija. Għax Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt.”