“Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ fil-għodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom, ‘Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom.’ U marru. Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom, ‘Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?’ Qalulu, ‘Għax ħadd ma qabbadna.’ Qalilhom,’Morru intom ukoll l-għalqa. ‘ Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu, ‘Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk ta’ l-ewwel.’ Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew ta’ l-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu, ‘Dawn ta’ l-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!’ Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom, ‘Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan ta’ l-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?’ Hekk ta’ l-aħħar jiġu l-ewwel, u ta’ l-ewwel jiġu l-aħħar.”