Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa u jgħidlu: “Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq. “Qallu Ġesù: “Niġi jien infejjqu “ “Sinjur?”, qallu ċ-ċenturjun, “Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq. Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta’ ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, ‘Mur’, u jmur; lil ieħor ngħidlu, ‘Ejja’, u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, ‘agħmel dan’, u jagħmlu.” Ġesù baqa’ mistagħġeb meta sama’ dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: “Tassew, ngħidilkom, f’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din. Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet, waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien !” Mbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: “Mur, ħa jsirlek kif emmint!” U l-qaddej fieq dak il-ħin stess. Ġesù mar fid-dar ta’ Pietru, u ra li omm il-mara ta’ Pietru kienet mixħuta bid-deni. Messilha idha, u d-deni ħallieha; mbagħad qamet u bdiet isservih. Fil-għaxija mbagħad ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha. Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: ‘Hu rafa’ fuqu d-dgħufija tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna’