G8 and G20 leaders for summit in Toronto

L-aġenzija internazzjonali ta’ għajnuna CARITAS qalet li l-mexxejja dinjija f’laqgħa speċjali bejniethom f’dan tmiem il-ġimgħa fil-Kanada għandhom jiffukaw fuq il-kriżi tal-ikel. Fi stqarrija, CARITAS affermat l-urġenza tal-kriżi tal-ikel u appellat lill-grupp tat-8 u l-grupp tal-20 pajjiż rappreżentati biex ifittxu soluzzjoni għall-problema.

“Sekli sħaħ ta’ politika agrikola u ekonomika bla direzzjoni issa saret ta’ wisq piż fuq il-bdiewa u fuq il-popli kollha madwar id-dinja”, qalet il-CARITAS. Fi kliemha, record ta’ biljun persuna huma kronikament bil-ġuħ. Wieħed minn kull sebgħa m’għandhomx l-ikel meħtieġ biex jgħixu.

L-organizzazzjoni ta’ għajnuna asserixxiet li l-pajjiżi tal-Ġ8 u l-Ġ20, bl-ekonomiji żviluppati tagħhom, għandhom ireġġgħu l-politika globali tal-ikel b’appoġġ għall-agrikoltura sostenibbli f’pajjiżi li qed jiżviluppaw.

“Neħtieġu iktar għajnuna, b’nefqa maniġġjata aħjar. Neħtieġu naraw azzjoni iktar effettiva fuq il-bidla fil-klima”, qal Michael Casey, direttur eżekuttiv tal-CARITAS fil-Kanada. Is-sigurta fl-ikel mistennija tintlaqat iktar mill-impatt tal-bidla fil-klima.

CARITAS tappella l-pajjiżi għonja sabiex jimpenjaw irwieħhom għal żjieda ta’ $195 biljun dollar Amerikan fil-finanzi pubbliċi vvutati lill-pajjiżi fqar kull sena sal-2020 u dan biex jadattaw għall-bidla fil-klima fl-istess waqt li l-iżvilupp tagħhom ikun wieħed sostenibbli.