Mark 10, 32-45

Kienu mexjin fit-triq, telgħin lejn Ġerusalemm, u Ġesù kien miexi quddiemhom; u huma kienu mgħaġġbin, u l-oħrajn li kienu mexjin warajhom kienu mbeżżgħin. Raġa’ sejjaħ it-Tnax ħdejh, u beda jgħidilhom x’kien se jgħaddi minn għalih: “Ara, issa aħna telgħin Ġerusalemm, u Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-qassisin  il-kbar u l-kittieba, li jaqtgħuhielu għall-mewt u jerħuh f’idejn  il-pagani; dawn imbagħad jiddieħku bih, jobżqulu fuqu, jagħtuh is-swat u joqtluh, u wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.” Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna.” “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” “Ghandha,” qalulu. Mbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija.” L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom  bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun   l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd.  Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”