Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti. “Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat ta’ l-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”