Card. Tarcisio Bertone

Il-Papa Benedittu Sittax ingħaqad flimkien mal-Vatikan jikkundanna l-aħħar rejds tal-Pulizija Belġjana fuq l-Uffiċini tal-Knisja u r-residenza ta’ kardinal fil-pajjiż. Filwaqt li kkundanna dan l-aġir huwa esprima s-solidarjeta tiegħu f’dan il-mument ta’ dieqa mal-Isqfijiet Belġjani.

Il-Papa ddeskriva dawn ir-rejds bħala “sorprendenti u kundannabbli”. Waqt ir-rejds jidher li ġew elevati xi kompjuters u files. Dawn ir-rejds saru minħabba investigazzjoni li qed issir mill-awtoritajiet dwar atti ta’ pedofilija li allegatament twettqu minn xi qassisin.

Fl-istess rejds jirriżulta li kien profanat qabar ta’ mill-inqas ex-kardinal Belġjan fil-katidral ta’ Mechelen f’tentattiv ikkunsidrat bħala frenetiku biex jinstabu xi dokumenti li jistgħu jgħinu fl-inkriminazzjoni. Fil-messaġġ tiegħu l-Papa appella biex issir ġustizzja u li jiġu ggarantiti d-drittijiet tal-individwu u l-istituzzjonijiet b’rispett għall-vittmi u b’rikonoxximent għal min jikollabora.

Il-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, wera sens ta’ rabja għall-mod kif inżammew l-Isqfijiet għal disa’ sigħat sħaħ mingħajr ma tħallew iħallu l-bini, saħansitra ħadulhom it-telefons ċellulari biex ma jkunux jistgħu jikkomunikaw ma’ uffiċjali oħra tal-Vatikan.

Waqt li kien fi triqtu biex jindirizza konferenza fl-Universita Kattolika ta’ Ruma, Bertone qal li lanqas stati komunisti ma jittrattaw b’dan il-mod lill-awtoritajiet u l-proprjeta tal-Knisja.