Mark 12, 1-12

Ġesù beda jkellimhom bil-parabboli: “Kien hemm raġel li ħawwel għalqa bid-dwieli; tella’ ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, bnielha torri, u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.’ Meta wasal iż-żmien, bagħat qaddej għand dawk il-bdiewa biex jiġborlu mingħandhom is-sehem li kien imiss lilu mill-frott ta’ l-għalqa. Iżda huma qabduh, sawwtuh, u bagħtuh lura idu f’idu. Raġa’ bagħtilhom qaddej ieħor, u lil dan ukoll tawh fuq rasu u ġiebu ruħhom ħażin ħafna miegħu. Bagħtilhom ieħor, u lil dan qatluh. Hekk ukoll bosta oħrajn; lil xi wħud minnhom sawwtuhom, u lil xi oħrajn qatluhom. Kien baqagħlu wieħed ieħor, ibnu l-għażiż. Fl-aħħar bagħtilhom lilu. ‘Minn ibni jistħu,’ qal, Iżda dawk il-bdiewa bdew jgħidu bejniethom, ‘Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, u l-wirt tiegħu jaqa’ fuqna.’ Qabduh u qatluh, u xeħtuh barra mill-għalqa. X’jagħmel sid l-għalqa? Jiġi u jeqred il-bdiewa, u l-għalqa jqabbilha lil ħaddieħor. Anqas din l-Iskrittura ma qrajtu, ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka: bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan; ħaġa ta’ l–għaġeb f’għajnejna’?” Huma riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, għax fehmu li dik il-parabbola kien qalha għalihom; imma beżgħu min-nies, u għalhekk ħallewh u telqu.

Il-Qaddisin tal-jum: Santa Perpetua u Santa Felicita