Click on the image below to watch the latest edition of the programme ‘Kelma ghall-Hajja’.

Agħfas fuq l-istampa li tidher hawn taħt biex tara l-iktar edizjoni riċenti tal-programm ‘Kelma għall-Ħajja’.



Mattew 14, 13-21

Meta sama’ l-aħbar, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejjqilhom il-morda tagħhom. Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu.” U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet.” “Ġibuhomli hawn,” qalilhom. Mbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newwluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra  n-nisa u t-tfal. U minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu; id-dgħajsa kienet diġà f’nofs  il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!” qalu; u qabdu jgħajjtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma.” “Ejja,” qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej !” Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira,” qallu,”għaliex iddubitajt?”

Il-Qaddis tal-jum: San Injazju ta’ Loyola