Leprosy

Il-lebbra għadha mhix xi ħaġa tal-passat. Dan iddikjarah il-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-kura tas-Saħħa waqt li appella lil kulħadd sabiex jiftakar f’dawn in-nies u juri solidarjeta magħhom f’din il-marda antika. L-Arċisqof Zygmunt Zimowski għamel dan l-appell fil-Jum iddedikat lil dawn il-morda bil-ġdiem.

L-istqarrija tal-Arċisqof , f’ismu u f’isem Presidenti ta’ Konferenzi Episkopali u Isqfijiet differenti li jaħdmu fid-dekasteru, innutat li l-lebbra “fir-realta qed tkompli tinxtered u tinfetta mijiet ta’ eluf ta’ persuni madwar id-dinja kull sena. Skont l-iktar statistika riċenti maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, fl-2009 kienu iktar minn 210,000 il-każi ġodda ta’ nies morda bil-ġdiem. Dan in-numru ma jinkludix il-ħafna oħrajn ikkunsidrati morda pero mhux magħduda fiċ-ċensimenti u li mhumiex milħuqa b’xi forma ta’ kura medika minħabba l-faqar kbir li jinsabu fih.

L-Arċisqof żied li minn punto di vista ta’ statistika, il-pajjiżi l-iktar milquta huma l-Asja, l-Amerika t’Isfel u l-Afrika. L-Indja wkoll għandha numru kbir ta’ persuni milquta, segwita mill-Brażil. Każi numerużi nstab li qegħdin ukoll f’Angola, il-Bangladesh, ir-Repubblika Afrikana Ċentrali, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-Indonesja, il-Madasgar, Mozambique, in-Nepa u t-Tanzania.

Intant, il-Papa Benedittu 16, waqt l-aħħar messaġġ tiegħu qabel it-talba tal-Anġelus fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, afferma l-ħtieġa li tintwera solidarjeta ma’ dawn in-nies morda. Fakkar ukoll lil Fr Damien de Veuster, proklamat qaddis mill-Papa nnifsu f’Ottubru li għadda, u li ta ħajtu għal nies morda bil-lebbra.