WikiLeaks

B’reazzjoni għall-pubblikazzjoni ta’ għadd ta’ komunikazzjonijiet sigrieti u kunfidenzjali tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan, il-Vatikan qed jappella għall-prudenza fl-evalwazzjoni tad-dokumenti. Is-sit internet ta’ Wikileaks kiseb 251,287 cable kunfidenzjali b’komunikazzjoni bejn 274 ambaxxata Amerikana madwar id-dinja u d-Dipartiment tal-Istat Amerikan bejn l-1966 u dis-sena.

 Is-sit beda jippubblika dawn id-dokumenti fit-28 ta’ Novembru li għadda u jippjana li jibqa’ jippubblika minnhom fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Madwar 1,340 diġa kienu ppubblikati, inkluż mill-inqas 16-il dokumenti relatati mal-Vatikan.

L-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan ħareġ stqarrija dwar dan u fost oħrajn qal li “dawn ir-rapporti jirriflettu perċezzjonijiet u opinjonijiet tan-nies li kitbuhom u ma jistgħu qatt jiġu kkunsidrati bħala dikjarazzjonijiet tas-Santa Sede u lanqas ma jistgħu jitqiesu kwotazzjonijiet eżatti ta’ uffiċjali tas-Santa Sede”.

L-istqarrija temmet tgħid li wieħed irid jevalwa dak li qed jingħad bi prudenza kbira.

Intant l-Ambaxxata Amerikana għas-Santa Sede ikkundannat bl-iktar mod qawwi l-ħruġ tad-dokumenti kunfidenzjali.