Konferenza internazzjonali bit-titlu “Adult Stem Cells: Science and the Future of Man and Culture” se tiskatta fil-Vatikan matul il-jum tal-Erbgħa u ttul sa nhar il-Ġimgħa, organizzata mill-Fondazzjoni Amerikana Stem for Life, flimkien mal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura, bil-għan li jappoġġja r-riċerka u jżid il-kuxjenza pubblika dwar it-trattament bl-użu ta’ ċelloli steminali tal-adulti. Għall-konferenza qed jattendu 350 xjentist, personalitajiet reliġjużi, politiċi u rappreżentanti mill-qasam tal-industrija u mis-settur edukattiv.
Matul il-jum tat-Tlieta saret konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata primarjament mill-President għall-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura, il-Kardinal Gianfranco Ravasi u mill-Kap tad-dipartiment tax-xjenza fi ħdan il-Kunsill.
Ċelloli steminali huma ta’ żewġ xorta – jistgħu jsiru minn embrijuni jew mill-adulti. Meta ċellola steminali tinqasam, kull ċellola ġdida jkollha l-potenzjal li jew tibqa’ ċellola steminali jew issir ċellola b’funzjoni iktar speċifika, bħal ċellola muskolari jew tal-moħħ. Sorsi taċ-ċelloli steminali tal-adulti instabu fil-mudullun, fid-demm u fil-fwied. Dan jingħad li joffri l-possibbilta ta’ mezz rinovabbli ta’ ċellolili jistgħu jintużaw biex ikun trattat mard differenti.
Il-President tal-Fondazzjoni Stem for Life, Dr Robin Smith, spjega kif l-użu taċ-ċelloli steminali tal-adulti “imorru lil hinn mid-dilemma etika li jġib miegħu l-użu ta’ ċelloli steminali tal-embrijuni. L-użu ta’ ċelloli steminali tal-adulti tgħinna navvanzjaw xjentifikament, sakemm nipproteġu kull stadju tal-eżistenza”.
Fid-dinja llum, kważi 13-il miljun isofru minn kanċer, 346 miljun persuna jbatu b’mard taz-zokkor, u 583 miljun persuna, jsofru minn mard . Terapija ġdida bl-użu ta’ ċelloli steminali tal-adulti, hi għal dawn kollha sinjal ta’ tama lejn progress fil-kura tal-mard tagħhom.