Il-Papa Benedittu XVI qed iwessa’ x-xibka ta’ komunikazzjoni tal-Vatikan b’passi deskritti bħala ‘enormi’. Dan qalu l-Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni Soċjali, l-Arċisqof Claudio Celli. Dan qalu meta ppreżenta il-portal il-ġdid tal-Vatikan fuq l-internet b’aħbarijiet minn għadd ta’ sorsi differenti fi ħdan il-Knisja kollha, ilkoll miġbura fuq is-sit www.news.va

Tinbixa żgħira tad-dettalji diġa huma aċċessibbli online fuq is-sit, bis-sit jibda jiffunzjona b’mod sħiħ l-Erbgħa, festa ta’ San Pietru u San Pawl, li jaħbat ukoll is-60 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tal-Papa Benedittu XVI.

Waqt li nnota kif il-Vatikan espanda diġa bil-preżenza tiegħu fuq l-internet, permezz ta’ Facebook u Youtube, fost oħrajn, l-Arċisqof Celli spjega r-raġunament tal-Papa fil-kliem tiegħu – “Irrid inkun preżenti fejn in-nies jinġabru flimkien”.

www.news.va se jkun jinkludi aħbarijiet minn L’Osservatore Romano, Radju Vatikan, , l-Aġenzija Fides u media oħra. Il-Papa iniedi hu stess is-servizz it-Tieta filgħaxija.

News.va m’għandhiex linja editorjali speċifika, ikkjarifika l-Arċisqof Celli.Qal li l-iskop hu li diversi mezzi tal-media jkunu f’lok wieħed u jkunu possibilment aċċessati iktar. Ma semmiex xi spejjeż tinvolvi l-portal, pero qal li ‘l quddiem, l-informazzjoni finanzjarja tingħata wkoll pubblikament.

Is-sit www.vatican.va se jibqa’ jiffunzjona b’mod normali. Intant, www.news.va jidħol fis-seħħ b’mod sħiħ l-Erbgħa, bl-Ingliż u bit-Taljan. Ikun offrut b’lingwi oħra ‘il quddiem.