Kelliemi għall-Vatikan qed jikkonferma ż-żjara li l-Papa ppjana li jagħmel fir-Renju Unit bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru li ġej. Fi stqarrija għall-istampa maħruġa mill-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, id-Direttur Ġiżwita Federico Lombardi afferma “l-aċċettazzjoni tal-istedina tar-Reġina Eliżabetta II, tal-konferenzi episkopali tal-Ingilterra u Wales u tal-iSkozja min-naħa tal-Kap tal-Knisja Kattolika”.
Il-Ġiżwita kompla jikkonferma ż-żjara tal-Papa lir-Reġina fil-Palazaa ta’ Holyroodhouse f’Edinbera. Qal li l-Papa “se jkun qed jippresiedi wkoll iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika f’ Bellahouston Park fi Glasgow. F’Londra “huwa se jiltaqa’ f’Westminister Hall ma’ rappreżentanti tad-dinja politika, mill-qasam tal-kultura u minn dak tan-negozju”. L-istqarrija żiedet li l-Papa se jipparteċipa f’ċelebrazzjoni ekumenika f’Westminister Abbey u se jippresiedi ċelebrazzjoni ewkaristika fil-katidral ta’ Westminister, kif ukoll vġili ta’ talb f’Hyde Park.
Patri Lombardi ssokta li “finalment il-Papa se jippresiedi ċelebrazzjoni tar-rit tal-beatifikazzjoni tal-Venerabbli, il-Kardinal John Henry Newman f’Cofton Park, Birmingham.
It-tema magħżula għaż-żjara tal-Papa “Heart Speaks Unto Heart” tirrifletti l-kliem tal-Kardinal Newman u t-tama li l-qlub ta’ ħafna nies jintmessu f’din l-attivita.