Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan Patri Federerico Lombardi, ikkundanna l-attakki li saru nhar il-Ħadd li għadda fuq il-knejjes fin-Niġerja u fil-Kenja.
Il-Ġiżwita Lombardi sejjaħ l-attakki terroristiċi orribbli u ta’ mibgħeda filwaqt li għamel sejħa lill-popolazzjoni biex ma ċċedix għat-tentazzjoni tal-mibgħeda, u qal li s-Santa Sede tinsab qrib il-komunitajiet fit-tbatija tagħhom minn dak li sejjaħ vjolenza odjuża, li ffaċċjaw hekk kif kienu qed jiċċelebraw il-fidi li tipproklama l-imħabba u l-paċi.
L-ewwel attakk fin-Niġerja kellu fil-mira parti mill-kampus tal-Universita ta’ Bayero fil-belt ta’ Kano fejn isiru l-funzjonijiet reliġjużi tal-Ħadd. Grupp ta’ irġiel armati qatlu mill-inqas 16-il persuna u darbu aktar minn 20. Aktar tard, irġiel armati, fetħu n-nar fuq kappella fejn inqatlu 5 persuni.
Kien allegat li aktarx l-attakki saru mill-grupp Islamiku Terroristiku Boko Harem li jrid li fil-pajjiż ikun hemm il-liġi ta’ Xaria.
Sadanittant, fis-Somalja l-militanti al-Shabab li għandhom rabtiet mal-grupp terroristiku Al-Qaeda huwa allegat li wettqu l-attakk bil-grenade fuq knisja f’Nairobi fil-Kenja, fejn mietet persuna u ndarbu 15-il persuna oħra.