Ritratt: Rawpixel.com

Il-Vatikan ikkundanna x-xena kontroversjali fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi f’Pariġi u qal li din ix-xena kienet offensiva għall-Insara u persuni oħra ta’ twemmin reliġjuż.

Fi stqarrija bil-Franċiż, is-Santa Sede ingħaqdet ma’ dawk kollha li, fil-jiem li għaddew, kellhom kritika qawwija għal dik li dehret bħala parodija tal-pittura tal-Aħħar Ċena minn Leonardo da Vinci.

L-istqarrija tgħid li f’avveniment prestiġjuż bħala dan, fejn id-dinja tingħaqad madwar valuri komuni, ma għandux ikun hemm allużjonijiet li jirredikolaw it-twemmin reliġjuż tal-bnedmin. Is-Santa Sede saħqet li, filwaqt li temmen bis-sħiħ fil-prinċipju tal-espressjoni ħielsa, dan ma għandux ifisser nuqqas ta’ rispett lejn l-oħrajn.

Ix-xena li ssir referenza għaliha, li kienet parti mill-programm artistiku taċ-ċerimonja, kienet tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ drag queens, mudella transgender u d-DJ u attivista għad-drittijiet tal-persuni LGBT+ Barbara Butch li kienu madwar mejda tal-ikel. Ix-xena, li mill-ewwel kienet interpretata bħala li qed twaqqa’ għaż-żufjett l-Aħħar Ċena, wasslet għal rabja kbira fost mexxejja reliġjużi u politiċi konservattivi madwar id-dinja.

Madankollu, ix-xena ma kinitx ispirata mill-Aħħar Ċena. Thomas Jolly, id-direttur artistiku taċ-ċerimonja, ikkjarifika li x-xena kienet ibbażata fuq il-pittura “Feast of the Gods” – pittura tal- 1635 mill-artist Olandiż Jan van Bijlert. Ix-xena kienet intenzjonata biex tiċċelebra l-kultura Franċiża, l-inklussività u r-rabtiet mitoloġiċi mal-Logħob Olimpiku.

Barbara Butch, li inizjalment kienet maħsuba li qed tagħmel parodija ta’ Ġesù, kienet qed turi lil Apollo, l-alla tax-xemx, u dan seta’ jispjega d-dawl fuq rasha. It-tagħmir tad-DJ kien laqta moderna flok l-arpa tradizzjonali ta’ Apollo.

Screenshot @theolympicgames/X

Minkejja l-kjarifika, l-istqarrija tal-Vatikan, li nħarġet iktar minn ġimgħa wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Olimpjadi, tisħaq li n-nuqqas ta’ rispett li nħass lejn it-twemmin reliġjuż jibqa’ ta’ tħassib kbir għall-Knisja Kattolika.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna kien fost dawk li oġġezzjonaw u talab apoloġija mill-awtoritajiet Franċiżi għal dak li sejjaħ bħala “insult għall-Ewkaristija”.

Dan in-nuqqas ta’ qbil wassal għal dibattitu usa’ dwar l-interpretazzjoni tal-arti, ir-responsabilità waqt avvenimenti sponsorjati mill-Istat u l-importanza tal-litteriżmu artistiku. Kritiċi jargumentaw li, anke jekk mhux b’intenzjoni, ix-xebh tax-xena mal-Aħħar Ċena hija problematika waqt avveniment sponsorizzat mill-Istat. Minn naħa dawk favur jisħqu li l-arti għandha tkun protetta miċ-ċensura u li l-misinterpretazzjoni ġejja minn nuqqas ta’ għarfein klassiku.

Jekk xejn, l-inċident wera r-rabta kumplessa bejn il-wirt klassiku, Kristjan u sekulari Ewropej u jixhed il-ħtieġa għal iktar għarfien kulturali u sensittività lejn is-soċjetà li qed issir dejjem iktar diversa.

Filwaqt li l-Kumitat tal-Olimpjadi f’Pariġi għamel apoloġija għall-offiża li ma kinitx intenzjonata, ikompli d-dibattitu dwar ir-rwol ta’ xbihat reliġjużi f’ċelebrazzjonijiet pubbliċi u l-limiti tal-espressjoni artistika f’soċjetajiet multi kulturali.

Sors: Newsbook Malta