Il-Vatikan se jkun qed jilqa’ xjentisti internazzjonali għal konferenza dwar l-AIDS f’Mejju li ġej, okkażjoni li matulha hu maħsub li uffiċjali tal-Knisja jieħdu ċ-ċans biex jikkjarifikaw il-kummenti riċenti tal-Papa dwar l-użu tal-kondom fil-prevenzjoni mill-AIDS.
Wara l-konferenza ta’ ġurnata fit-28 ta’ Mejju, il-Vatikan jippjana li jippubblika linjigwida pastorali fi ktejjeb immirat għall-ħaddiema kattoliċi fil-qasam tas-saħħa u li jispeċjalizzaw fil-kura u l-prevenzjoni mill-AIDS.
Dan qalu is-Sottosegretarju tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ministeru tas-Saħħa, Mons Jean-Marie Mpendawatu. Huwa spjega li l-konferenza u l-ktejjeb se jieħdu approċ globali tal-AIDS u mhux se jiffukaw fuq il-kondom. Qal pero, li l-kwistjoni tal-kondom ukoll se tkun indirizzata, u dan fid-dawl tal-kummenti riċenti tal-Papa u n-nota dottrinali li segwiet mill-Vatikan wara.
Fl-intervista tul ta’ ktieb, “Light of the World”, pubblikazzjoni ta’ Novembru li għadda, il-Papa qal li minkejja li l-kondoms ma kinux it-tweġiba għall-epidemija tal-AIDS, l-użu tagħhom jista’ jkun sinjal ta’ responsabbilta morali f’sitwazzjonijiet partikolari meta l-intenzjoni tkun li jitnaqqas ir-riskju ta’ infezzjoni.
Il-kummenti tal-Papa kienu qajmu reazzjoni qawwija u dibattitu inkluż fost il-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.