Il-Kelliem għall-Vatikan, Patri Federico Lombardi, poġġa fit-talb tiegħu lil mijiet ta’ nies li riċentament mietu fil-baħar Mediterran waqt li kienu qed jaħarbu mill-kunflitt ta’ pajjiżhom fl-Afrika ta’ Fuq. Biss biss, minħabba s-sitwazzjoni mill-iktar instabbli u l-kunflitti f’diversi pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, mat-22,000 immigrant, fil-maġġorparti tagħhom Tuneżini, skont il-Ministeru tal-Intern Taljan,waslu f’Lampedusa. Dan minbarra n-numru ta’ dawk li waslu jew li kienu salvati u nġiebu f’Malta. Referenza partikolari hawnhekk għat-traġedja fejn grupp ta’ madwar 250 immigrant spiċċaw fil-baħar.
Il-Patri Ġiżwita, Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, fakkar f’dawk li “qed jaħarbu minn pajjiżhom minħabba l-ġuħ, il-faqar inuman, l-oppressjoni, il-vjolenza u l-gwerra b’theddida għal ħajjithom stess”.
Il-kelliemi f’kummenti fuq Octava Dies sostna li ħafna drabi f’dal-jiem kien hemm ħafna uġigħ ta’ qalb mingħajr kliem. Temm jgħid li “l-kompassjoni tobbligana biex ma ninsewx u niftakru” u tintwera solidarjeta ma’ dawn in-nies li għall-faqar u l-kunflitt u t-tbatija u l-oppressjoni, qed jispiċċaw jaħarbu mingħajr ma jafu fejn se jispiċċaw, b’theddida għal ħajjithom stess.