Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Primo di tutto, un caro saluto a Monsignore Davide Cito. Grazie per questa disponibilità. La sua presenza ci ricorda che Roma non è così lontana. E che nostro servizio è anche un respiro molto molto ampio.
Nixtieq nieħu din l-opportunità bħalma nagħmel kull sena, imma hu ta’ privileġġ għalija: nirringrazzja lil kull wieħed u kull waħda minnkom. Ilkoll kemm aħna, meta nitkellmu fuq is-servizz lejn il-ġustizzja, għandna rwol importanti u essenzjali; għax il-ġustizzja hi l-frott ta’ ħidma solidali u sinodali. Hi frott ta’ mixja flimkien, li tirrispetta l-verità u d-dinjità ta’ kull persuna li tkun konvolta fi proċess, kontroversja, f’rikjest tal-ġustizzja.
Nixtieq nirringrazzjakom ukoll għax din hi l-esperjenza ta’ kulma tagħmlu, ta’ kemm intom attenti li tittrattaw il-persuni bi mħabba u b’dinjità. Nawguralkom ukoll, li tkomplu, għax naf li tagħmlu hekk, u din hi wkoll serata li tikkonferma dan l-impenn, li tkomplu fir-riċerka tagħkom, fil-formazzjoni tagħkom, fl-approfondiment tax-xjenza kanonika, li wara kollox joffri risposta kompetenti għall-esiġenzi attwali.
Il-ġustizzja hi l-frott ta’ ħidma solidali u sinodali
U nieħu pjaċir meta aħna, mhux biss nistiednu bħalma qed nagħmlu, Mons. Davide hawnhekk, imma li jkollna l-opportunità li nsiefru, nisimgħu anke kanonisti oħrajn, nipparteċipaw f’sessjonijiet, konvenji ta’ studju u laqgħat, li dejjem jgħinuna biex inkabbru il-viżjoni tagħna.
Aħna llum, bl-għajnuna anke ta’ Mons. Davide Cito, se nittrattaw argumenti importanti ħafna, u attwali ħafna fil-Knisja. Dalgħodu kelli l-opportunità nsellem anke lill-Isqof Charles Morerod, Dumnikan Żvizzeru, Isqof ta’ Ġinevra, Friburgu, u Lausanne.
Kien qed jgħidli li llum kellu joħroġ rapport dwar kif l-Isqfijiet tal-Iżvizzera ttrattaw każi ta’ abbuż sesswali. Aħbar tal-lum ukoll dwar l-Isqfijiet tal-Filippini. Intom tirrealizzaw li din hi problema li mhux se titlaq malajr faċilment. Nirringrazzja ħafna lil kull min fid-djoċesi, nibda mis-Safeguarding, imma anke t-Tribunal jagħti kontribut biex issir ġustizzja. Imma li fl-istess ħin dejjem infittxu l-verità, il-verità li teħlisna, il-verità li hi l-qofol tar-rikonċiljazzjoni vera. U nitolbu wkoll biex dak kollu li nagħmlu jħalli l-frott ta’ ambjent sigur li nixtiequ fil-Knisja f’Malta.
Nitolbu biex dak kollu li nagħmlu jħalli l-frott ta’ ambjent sigur li nixtiequ fil-Knisja f’Malta.
Intom, wara kollox tħaddmu wkoll ministeru għażiż, imma diffiċli, meta tiltaqgħu maż-żwieġ li jkun tfarrak. Nitlob ħafna lill-ministeru li joffri t-Tribunal, kemm fil-Prima Stanza, kemm fit-Tribunal Reġjonali tas-Seconda Stanza, meta jkun hemm bżonn, jagħmel li l-esperjenza tas-sagrament taż-żwieġ, tkun esperjenza ta’ ambjent sigur. Ħafna drabi, intom tgħallmuni ormaj, it-trawma fiż-żwieġ tiġi anke espressa fi vjolenza psikoloġika, u kultant anke fiżika. Imma meta inti tagħmel vetitum, jew qed tgħin persuna terġa’ tibda esperjenza pożittiva taż-żwieġ, qed tgħin ukoll biex is-sagrament taż-żwieġ, jibqa’ jkollu ambjent sigur fejn jikber. U allura l-kwistjoni ta’ safe environment, mhux biss fil-kwistjoni tal-komportament ministerjali biss, imma hu biex ngħidu hekk, diskors wisa’ ħafna. Allura tajjeb li wieħed jifhem ukoll il-ministeru tal-ġustizzja fil-Knisja, bħala tutela ta’ dinjità tal-persuni, u anke ħidma biex l-ambjenti kollha tal-Knisja, mhux biss mill-għatba ’l barra, imma anke mill-għatba l-ġewwa jkunu siguri. Ta’ kull ma tagħmlu, paċenzja u erojiżmu, li ma jkollux il-headlines tal-ġurnali, imma qiegħed hemm.
Nirringrazzjakom ħafna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta