-
-
Il-UNESCO qed tipprepara biex “Il-vjaġġ tal-Familja Mqaddsa”, li skont it-tradizzjoni hu l-vjaġġ li għamlu Marija, Ġużeppi u Ġesù fl-Eġittu sabiex jaħarbu mill-vjolenza ta’ Erodi, jitniżżel bħala “Wirt Dinji”. Hekk qal Adel Gindy, il-kap tar-relazzjonijiet internazzjoni tal-Awtorità Eġizzjana tat-Turiżmu.
Jekk din issir, se tkun ta’ spinta għat-turiżmu fuq il-pajjiż, li tul l-aħħar snin sofra ħafna kawża tal-instabbiltà politika fir-reġjun u t-terroriżmu. Skont id-Daily NEws Egypt, bejn l-2015 u l-2016, l-ivvjaġġar bl-ajru lejn l-Eġittu naqas b’40%.
Il-vjaġġ tal-pellegrin jibda milll-eqdem parti tal-Kajr, magħrufa bħala l-Forti ta’ Babilonja, fejn il-Familja Mqaddsa għexet ġo għar taħt il-knisja ta’ San Serġju. Imbagħad ikompli għal Wadi El natrun fuq in-naħa tal-Punent tax-Xmara Nil, fejn hemm ħafna monasteri u knejjes.
Il-vjaġġ iwassal ukoll għall-Monasteru ta’ Gabal El Teir u ta’ Muharraq f’Assiut, fejn Marija, Ġużeppi u Ġesù qattgħu sitt xhur ġo għar.
Id-destinazzjoni finali tinkludi l-Muntanja Dronka, fejn ġol-għar hemm għar qadim u l-Familja Mqaddsa għexu fih qabel ma rritornaw f’Nazaret.