Illum, il-11 t’Ottubru 2012, hija l-ewwel ġurnata li qiegħda timmarka l-bidu tas-Sena tal-Fidi, wara xewqa tal-Papa Benedittu XVI biex “mill-ġdid nikkonvertu b’mod awtentiku lejn Kristu, il-Feddej waħdieni tad-dinja”.
Bħalissa wkoll qiegħed iseħħ is-Sinodu tal-Isqfijiet li beda fis-7 t’Ottubru u se jibqa’ għaddej sal-24 tal-istess xahar bit-tema tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Minn Malta qed jattendi l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet l-Isqfijiet Maltin għaddewlna l-kelma Appostolika tagħhom fuq is-sena speċjali li se nibdew illum. [Segwi x’qalu l-Isqfijiet minn hawn]
Bħala bidu għas-Sena tal-Fidi il-Papa Benedittu XVI se jippresiedi f’ċerimonja tal-ftuħ, illum fl-10.00 a.m. li se terġa tgħix l-istess memorji tal-Konċilju Vatikan II, meta mal-400 Isqof mid-dinja kollha se jimxu f’puċissjoni, ħaġa li ġrat diġa fil-ftuħ tal-Konċilju.
F’Malta, llejla fis-7pm, l-Arċisqof Pawlu Cremona se jmexxi laqgħa ta’ talb għall-kleru fil-ftuħ tas-Sena tal-Fidi, fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl, ir-Rabat. Ghal din l-okkazjoni se jkunu preżenti n-Nunzju Appostoliku, l-E.T. Mons. Tommaso Caputo, l-Arċisqof Emeritus, Mons. Ġuzeppi Mercieca u l-Isqof Awżiljarju-elett, Mons. Charles J. Scicluna. Matul din iċ-ċelebrazzjoni, b’mod simboliku, l-Arċisqof jixgħel id-dawl tal-fidi mill-lampier li jinsab fil-grotta ta’ San Pawl, u li jirrapreżenta l-wasla tal-fidi f’Malta. Wara li ssir ċelebrazzjoni tal-Kelma t’ Alla, l-Arċisqof se jippreżenta lil kull kappillan musbieħ li jinxtegħel mill-lampier tal-grotta. Dan il-musbieħ se jittieħed fil-parroċċi biex ifakkar fir-realta’ tad-dawl tal-fidi.
Din il-ġurnata timmarka wkoll il-50 Anniversarju mill-Konċilju Vatikan it-Tieni u l-għoxrin sena mill-pubblikazzjoni tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Is-Sena tal-Fidi tintemm fl-24 ta’ Novembru 2013, festa ta’ Kristu Sultan.
Fuq il-paġna tal-Facebook The Church in Malta se naġġornawkom kontinwament b’informazzjoni utli kemm fuq is-Sena tal-Fidi kif ukoll fuq l-anniversarju tal-Konċilju.