L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Irridu ngħidu li hi okkażjoni sabiħa ħafna f’din il-parroċċa li wieħed minn uliedha llum qed jiġi ppreżentat mill-komunità u quddiem l-isqof u l-Knisja biex jiġi istitwit lettur: jibda jaqra b’mod uffiċjali l-Kelma t’Alla fil-komunità fil-preparazzjoni tiegħu anke biex ’il quddiem ikun kandidat uffiċjali għall-ordni sagri kif inhu u jirċievi d-djakonat u l-presbiterat. Għażiż Matthew, aħna nitolbu ħafna għalik.
Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jagħtina l-ewwel nett l-identity card tiegħu għax il-barkiet li jagħtina – u dan hu tagħlim sabiħ kemm tal-Papa Franġisku kif ukoll tal-maħbub u mibki Papa Benedittu – fil-barkiet li jagħti l-ewwel nett Ġesù jitkellem fuqu nnifsu għax dak li jitlob minna Ġesù, hu l-ewwel wieħed li jagħmlu. Meta qalilna pereżempju: “Min irid jimxi warajja jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, jimxi warajja” (Mt 16:24) imma aħna nafu li hu l-ewwel wieħed li ċaħad il-glorja tad-divinità u sar bniedem, “obda, obda sal-mewt anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). Hu l-ewwel wieħed li refa’ s-salib biex jobdi lil Missieru.
Allura meta niġu kkonfrontati ma’ din il-kelma qawwija li b’xi mod ma tagħtiniex stampa ta’ dak li aħna nistgħu nsejħulu l-comfort zone tagħna, x’jiġifieri tkun fqir fl-ispirtu? X’jiġifieri li inti tkun mimli b’dak l-hemm ta’ min qed jara l-inġustizzja? Xi tfisser li jkollok qalbek ħelwa? Dawn huma kollha valuri għeżież u importanti. Kieku jkollna niġbruhom f’espressjoni waħda li aħna l-Maltin ngħidu, huma valuri li jagħmluk tassew nies.
Imma d-dinja hemm barra mhux bilfors tgħallimhomlna u għalhekk aħna u nisimgħu l-kelma ta’ Ġesù, ta’ min nistaqsu lilna nfusna: l-Imgħallem qed jippreżenta lilu nnifsu u jixtieq li l-barkiet tiegħu ikunu l-barkiet tagħna? Henjin, imbierka, jgħumu fil-paċi dawk li jħennu, dawk li huma qalbhom umli, dawk li quddiem l-inġustizzja għandhom l-għatx u l-ġuħ biex l-affarijiet isiru u jkunu aħjar, dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa.
Nifhmu li Alla mhuwiex għajjur għall-ġid tagħna, għall-kuntentizza tagħna, mhuwiex l-għadu tal-ferħ tagħna. Fil-fatt Ġesù jibda kull stedina li jagħmel billi jwegħedna propju l-hena, il-ferħ, il-paċi.
U ta’ min nistaqsu lilna nfusna: fil-ħajja, jiena kapaċi ngħid li qed nipprova nagħmilha din il-ħaġa, qed nipprova nġib il-paċi f’sitwazzjonijiet fejn hemm bżonn inġib il-paċi? Hemm bżonn li jiena nħenn: “henjin dawk li jħennu” għax hekk ukoll ikolli l-ħniena. Hemm bżonn ukoll ikolli dak il-faqar tal-ispirtu li San Ġorġ Preca – hawn immaġini sabiħa tiegħu wkoll f’din il-knisja – kien jiġborha f’dik il-frażi li tant tisimgħuni nirrepetiha: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Dak hu l-faqar spiritwali. Mhux li ma jkollokx flus fil-but. Il-faqar spiritwali, il-faqar tal-ispirtu hi din il-ħaġa dan l-atteġġament ta’ fiduċja. ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.’
Aħna ħafna drabi jkollna kunċett ta’ progress anke meta naħsbu fuq il-futur tal-umanità, fuq dak li għandna nagħmlu flimkien, li donnu m’għandux post għal Alla, aħna nifhmu f’kollox! Illum ix-xjenza tant kibret! Kemm tkun ħaġa sabiħa li fl-ispirtu tal-ewwel beatitudni – dawn it-tmien barkiet li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mattew – nifhmu li Alla mhuwiex għajjur għall-ġid tagħna, għall-kuntentizza tagħna, mhuwiex l-għadu tal-ferħ tagħna. Fil-fatt Ġesù jibda kull stedina li jagħmel billi jwegħedna propju l-hena, il-ferħ, il-paċi.
U għalkemm qed jitlobna li naċċettaw valuri li fid-dinja ta’ arroganza, ta’ kilba għall-flus, ta’ kulħadd jagħmel li jaqbillu, forsi mingħajr ma niġġudikaw lil ħadd, aħna nagħżlu valuri differenti. Aħna midinbin u kultant nonqsu, anzi ħafna drabi nonqsu kontra dawn il-valuri li qed ipoġġilna quddiemna Ġesù.
Imma kif jgħid tant tajjeb il-Papa Benedittu fil-ktieb tiegħu Ġesù ta’ Nazaret, il-beatitudnijiet, dawn il-barkiet huma b’xi mod linji gwida għalina, anzi jgħid road map għall-Knisja għaliex dawn huma l-identity kit, il-profil tad-dixxiplu. Min irid jimxi wara Ġesù irid iħaddanhom dawn il-barkiet imma ma’ kull barka hemm ukoll wegħda.
U l-wegħda hi kbira, li inti tiret l-art tal-libertà, “ikollhom b’wirthom l-art” (Mt 5:5). Xi tfisser? Fit-tagħlim tal-papiet din il-wegħda tal-art hi l-art tal-libertà għax Iżreal kellu l-wegħda tal-art il-ġdida bħala spazju ta’ libertà. Inti tixtieq tassew tkun ħieles? Inti tixtieq tassew tkun ferħan u hieni? Ilqa’ dawn l-istediniet pjuttost diffiċli tal-Mulej u tibżax ukoll li kultant taf tkun disprezzat, ippersegwitat.
San Ġorġ Preca kien iħobb jissuġġerixxi li aħna nitgħallmu nħobbu d-disprezzi u jiena din il-ħaġa ngħidilkom il-verità dejjem sibtha diffiċli biex nifhimha. Imma x’jiġifieri tħobb id-disprezzi, xi tfisser? Imbagħad tisma ’l Ġesù jgħidlek: “Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa” (Mt 5:10). Henjin! Ovvjament minħabba s-sewwa mhux għax inkunu għamilna xi waħda tinkiteb, imma minn dawk il-goffi. U inti titgħallem ukoll li fil-ħajja ma jistax ikun ikollok kulħadd jaqbel miegħek jew togħġob lil kulħadd jew iċapċpulek; xi darba jridu jċapċpuhielek ukoll. U inti ma titlifx il-paċi.
Immaġinaw omm, li ħin minnhom f’rabja t-tifel jgħidilha kelma iebsa. X’tagħmel l-omm? Ikollha aptit l-ewwel borma li ssib tgarahielu, imma dak l-aptit. Imma ma tagħmilx hekk għax tibqa’ omm. U meta jikber jifhem x’qal u x’għamel. U l-omm fis-silenzju u fil-paċenzja tagħtih ċans. Għax aħna ngħidu fuq il-barkiet tal-Mulej imma min jaf kemm ngħixuhom mingħajr ma nafu.
Waħda mill-affarijiet li tfarraġni ħafna hi li f’dan il-qari li smajna llum il-Knisja tagħżlu f’żewġ okkażjonijiet li kultant naħsbu li huma kontra xulxin. Morru ċċekkjaw l-għażliet tal-Evanġelju fl-1 ta’ Novembru meta nagħmlu l-festa tal-qaddisin kollha u fit-2 ta’ Novembru meta nfakkru l-Għid tal-Imwiet. Waħda mill-għażliet sbieħ li tagħti l-Knisja hi li naqraw l-Evanġelju tal-barkiet mhux biss biex infaħħru ’l Alla ta’ dak li għamel fil-qaddisin tiegħu, hekk nagħmlu fl-1 ta’ Novembru, imma anke biex nirringrazzjawh ta’ ħutna li għamlu l-aħħar vjaġġ, għax huma ppruvaw, ilkoll kemm aħna nippruvaw, inkunu henjin bħalma kien hieni hu anke fil-mument iebes taċ-ċaħda, tad-diffikultà, tas-salib. Jalla meta jaqraw dan l-Evanġelju fil-mewt tagħna, tiegħi u tiegħek, jagħmel sens.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Sof 2:3; 3:12-13
Salm: 145 (146):7,8-9a,9bc-10
Qari II: 1 Kor 1:26-31
L-Evanġelju: Mt 5:1-12a