L-Imam Laiq Ahmed Atif u l-Komunità Musulmana Ahmadiyya għal darboħra wettqu ġest ta’ solidarjetà u mħabba lejn residenti li bħalissa qed jagħmlu programm ta’ rijabilitazzjoni fi ħdan iċ-ċentri terapewtiċi ta’ Caritas Malta.
Is-Sibt 10 ta’ Diċembru 2022, l-Imam Atif flimkien ma’ rappreżentanti tal-Komunità Musulmana Ahmadiyya, qattgħu nofs ta’ nhar mar-residenti tal-Male Shelter, kif ukoll fil-programm terapewtiku għall-irġiel u għan-nisa f’San Blas. Il-Komunità Musulmana Ahmadiyya qassmu rigali f’dawn il-ġranet ta’ festi lil kull resident. Ġabu magħhom ukoll rigali għall-programm terapewtiku tal-Prison Inmates Programme, Dar Charles Miceli u għaċ-ċentru terapewtiku tal-Ibwar.
Matul din iż-żjara, ir-residenti tkellmu dwar l-esperjenzi tagħhom fil-vjaġġ ta’ rkupru u l-Imam Atif kompla bi kliem inkorraġġanti u ta’ tama għalihom. Faħħar l-isforz kollu tagħhom f’dan iż-żmien li qed jagħmlu u inkorraġġihom biex jaħfru lilhom infushom, jirranġaw sitwazzjonijiet ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom, iħarsu ’l quddiem biex jilħqu l-miri tagħhom u biex dejjem ifittxu li Alla jkun preżenti fil-ħajja tagħhom.
Id-direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt, akkumpanja lil Imam Atif matul din iż-żjara. Esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħbiberija li żviluppat bejn il-Komunità Musulmana Ahmadiyya u Caritas Malta u irrikonoxxa ukoll is-sapport li din il-Komunità tagħti lil Caritas matul is-sena.
B’apprezzament irrikonoxxa li din hija s-sitt sena li l-Komunità Ahmadiyya għamlet dawn ix-xorta ta’ laqgħat u rringrazzja s-sapport varju u l-esperjenzi li nqassmu matul dawn is-sitt snin.
Ir-residenti taċ-ċentri terapewtiċi wkoll urew l-apprezzament tagħhom għar-rigali li rċevew u anki esprimew kemm tfisser għalihom żjara bħal din. Residenta mill-programm tan-nisa esprimiet kif dawn il-laqgħat jikkonfermaw lilha u lil sħaba, l-imħabba għalihom mill-komunità wiesgħa. Kompliet tispjega kif dawn ix-xorta ta’ viżti jwaqqfu l-idea żbaljata li lilhom is-soċjetà twarrabhom.
Ta’ sinifikat bla dubju jibqa’ li din l-id ta’ sapport ġejja wkoll mill-Komunità Musulmana Ahmadiyya li fuq kollox dejjem jippromwovu il-valur tal-paċi u l-għaqda bejn l-umani kollha.