“Imberkin dawk li jġibu l-paċi” hija t-tema li l-Papa Benedittu XVI għażel għas-46 Jum Dinji tal-Paċi li jitfakkar fl-1 ta’ Jannar 2013. Dan irriżulta minn komunikat maħruġ għall-istampa mill-Kunsill Pontifiċju għall-Ġustizzja u l-Paċi. “Il-messaġġ annwali tal-Papa, fil-kumplessita taż-żminijiet tal-lum, se jinkoraġixxi lil kulħadd jieħu r-responsabbilta fir-rigward tal-bini ta’ kultura ta’ paċi”, qal il-messaġġ.
“Il-messaġġ se jiġbor id-diversita u l-kunċett sħiħ tal-paċi, ibda mill-bniedem: il-paċi interna u dike sterna; imbagħad jenfasizza l-emerġenza antropoloġika, in-natura u l-inċidenza tar-rifjut sħiħ tal-fibra soċjali u t-twemmin morali; u fl-istess ħin id-drittijiet fundamenbtali, ewlenin fosthom il-liberta tal-kuxjenza, il-liberta tal-espressjoni, il-liberta reliġjuża. Il-Messaġġ se jkun qed joffri ukoll riflessjoni etika dwar ċertu miżuri li d-dinja se tkun qed tieħu sabiex tikkontrolla l-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-kriżi edukattiva, il-kriżi tal-istituzzjonijiet u tal-politika – li xi drabi hi kriżi fid-demokrazija li tqanqal tħassib.
“Il-Messaġġ iħares ukoll lejn il-50 anniversarju tal-Konċilju Vatikan II u tal-Enċiklika ‘Pacen In Terris’ miktuba minn Papa Ġwanni XXIII, li skontha, l-ewwel post għandha tieħdu dejjem id-dinjita umana u l-liberta tal-bniedem, u dan għall-benefiċċju tad-dinja fis-servizz ta’ kull bniedem, mingħajr ebda diskriminazzjoni, diretta lejn il-ġid komuni bbażat fuq il-ġustizzja u l-vera paċi”.
‘Imberkin dawk li jġibu l-paċi’ se tkun it-tema tat-8 messaġġ tal-Papa Benedittu XVI fiċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Paċi. ‘Paċi, fil-Verita’ kien il-messaġġ tal-2006; ‘Il-Persuna Umana, Qalb tal-Paċi’ kien il-messaġġ tal-2007; ‘Il-Familja Umana, Komunita ta’ Paċi’ kien dak tal-2008; ‘Niġġieldu l-Faqar biex nibnu l-Paċi’ kien il-messaġġ tal-2009; ‘Jekk trid tikkultiva l-Paċi, ipproteġi l-Ħolqien’ kien il-messaġġ tal-2010; ‘Il-Liberta Reliġjuża, it-triq għall-Paċi’ kien il-messaġġ tal-2011, bl-aħħar messaġġ għal din is-sena 2012 kien intitolat ‘L-Edukazzjoni taż-żgħażagħ fil-Ġustizzja u l-Paċi’.