L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tawh l-isem ta’ Ġesù”. Hekk qrajna fl-Evanġelju skont San Luqa, u dan ifakkarna f’dak li l-anġlu Gabrijel kien qal lil Marija: “Ara int se tnissel fil-ġuf, u jkollok iben, u ssemmih Ġesù” (Lq 1:31). L-istess kien qal ukoll l-anġlu Gabrijel lil Ġużeppi, meta qallu: “Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:21). Nindunaw għalhekk li l-isem ta’ Ġesù ma kienx magħżul la minn Marija u lanqas minn Ġużeppi, imma kien magħżul minn Alla. Huma tawh l-isem ta’ Ġesù, l-isem magħżul minn Alla.
Xi jfisser l-isem Ġesù? Ifisser: Alla li jsalva. Dan hu s-Salvatur. Ifakkarna f’dak li l-anġlu stess kien qal lil Ġużeppi, meta qallu li l-isem hu Ġesù: “għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt1:21). Mela Ġesù hu Alla li jsalva. Dan joħroġ ċar ħafna mbagħad fl-Atti tal-Appostli meta Pietru flimkien mal-appostli kienu qegħdin jagħmlu l-mirakli u jgħallmu li Ġesù hu ħaj – qed ngħid wara Għid il-Ħamsin – u tefgħuhom il-ħabs, imbagħad ġabuhom quddiem il-kapijiet u x-xjuħ u l-kittieba, u staqsewhom: “Intom b’liema qawwa jew f’isem min għamiltuh dan?” (Atti 4:7) U, kif smajna, Pietru jgħid: “bis-saħħa tal-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret”, dak li huma sallbu u li Alla kien qajmu mill-imwiet. U jkompli: “F’ħadd ħliefu ma hemm salvazzjoni, għax imkien taħt is-sema ma hemm isem ieħor mogħti lill-bnedmin li bih għandna nkunu salvi” (Atti 4:12). Jgħidha wkoll l-appostlu Pawlu fl-Ittra tiegħu lill-Filippin, li Alla “żejnu bl-isem li hu fuq kull isem, biex fl-isem ta’ Ġesù, fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art, il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkupptejhom u kull ilsien jistqarr: Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier” (Fil 2:9-11).
Xi jfisser Ġesù li jsalvana? Ifisser ħafna għalina, għax aħna lkoll midinbin. Meta nagħrfu n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħna, aħna jiddispjaċina, u dawn lilna jimlewna bid-dwejjaq. Imma nafu li Ġesù jsalvana minnhom. Ġesù hu dak li joħroġna mid-dnubiet tagħna, għax jaħfrilna d-dnubiet tagħna. Hu joħroġna minn dak li hu ħażin, biex nistgħu ngħixu tassew b’mod tajjeb bħala nies salvati minnu. Għalhekk qatt ma għandu jkollna f’qalbna l-qtigħ ta’ qalb u d-disperazzjoni, għax aħna nemmnu f’Ġesù li jsalvana, Ġesù s-Salvatur tagħna.
L-isem ta’ Ġesù għandu qawwa fit-talb. Din qalha Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Tassew tassew ngħidilkom, kulma titolbu lil Missier f’ismi, hu jagħtihulkom…” (Ġw 16:23) U jerġa’ jirrepetiha, u jgħid: “biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 16:24). Meta nitolbu f’isem Ġesù, qed nitolbu kif qalilna Ġesù nnifsu, u l-ferħ tagħna jkun sħiħ.
Ġesù hu dak li joħroġna mid-dnubiet tagħna, għax jaħfrilna d-dnubiet tagħna
Din id-devozzjoni lejn l-isem ta’ Ġesù hi devozzjoni antika. Kienu mexxewha ħafna l-Franġiskani. Marbuta wkoll ħafna ma’ San Bernardinu ta’ Siena, li kien ħoloq dik l-emblema li naraw kemm-il darba – hawnhekk anke fil-kappella tagħna – l-ittri ‘IHS’, fin-nofs tax-xemx bir-raġġi ħerġin, jiġifieri minn Ġesù ħerġin ir-raġġi. Snin wara mbagħad Sant’Injazju ta’ Loyola għażilha bħala l-emblema tal-Ġiżwiti. ‘IHS’ għax dawn huma l-ewwel tliet ittri bil-Grieg tal-isem ‘Ġesù’. Illum narawha wkoll fl-emblema tal-Papa Franġisku, li hu Ġiżwita, proprju fin-nofs, u tfakkarna fl-isem ta’ Ġesù s-Salvatur.
Nitolbuh illum lill-Mulej biex ikollna dejjem qima lejn l-isem imqaddes tiegħu, u npattu wkoll għal meta dan ikun imkasbar. Nitolbuh biex meta ngħidu l-kelma ‘Ġesù’, niftakru li hu s-Salvatur tagħna, li jsalva lil kull wieħed u waħda minna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju