L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin” (Atti 2:40). Dan kien il-kliem ta’ Pietru meta nhar Għid il-Ħamsin ħareġ jagħti l-Aħbar li Ġesù Kristu qam mill-mewt: Ġesù, li intom sallabtu, qam rebbieħ, hu l-Mulej! In-nies li semgħuh, staqsew: “X’għandna nagħmlu aħna?” (Atti 2:37) Dakinhar, bi tweġiba lin-nies, Pietru jispiċċa l-kliem tiegħu b’din l-istedina: salvaw lilkom infuskom minn dan in-nisel ħażin – minn dak li hu pervers.
L-Evanġelju llum jurina min jista’ tassew isalvana minn dak li hu ħażin – huwa Ġesù Kristu, ir-ragħaj it-tajjeb tagħna. Huwa hu li jista’ jsalvana. U għalhekk il-kelma ta’ Alla tiffoka fuq ir-ragħaj it-tajjeb li jmexxina fit-triq tas-sewwa.
Noqogħdu attenti
Ġesù, fl-Evanġelju, mill-ewwel jagħmel il-kuntrast bejn ir-ragħaj it-tajjeb u bejn dak li hu “ħalliel u brigant” (Ġw 10:1), li jħarbat in-nagħaġ.
Għaliex Ġesù jagħmel dan il-kuntrast? Għax fil-ħajja rridu dejjem noqogħdu attenti, b’seba’ għajnejn, li dak li warajh qed nimxu jmexxina fit-triq it-tajba. Għaliex Ġesù jitkellem fuq “ħalliel u brigant”? Għax dan hu xi ħadd li l-iskop tiegħu mhuwiex il-ġid tal-oħrajn imma li jiggwadanja hu, li jikseb xi ħaġa hu minn fuq dahar ħaddieħor.
L-istorja stess tal-umanità turina kemm irridu noqogħdu attenti li ma nkunux miexja wara xi ħadd ta’ dat-tip, għax nispiċċaw ħażin aħna stess. Meta nisimgħu lil Ġesù juża l-kelma “brigant”, tfakkarna f’dik il-ġrajja fil-Passjoni ta’ Ġesù meta n-nies kellhom għażla: jew jagħżlu lil Ġesu jew jagħżlu lil Barabba, li l-Evanġelju skont San Ġwann jgħidilna li kien “brigant” (Ġw 18:40), l-istess kelma li Ġesù juża fl-Evanġelju llum. Dakinhar nafu lil min għażlu n-nies – lill-brigant. Għalhekk hu importanti li aħna dejjem noqogħdu attenti fl-għażla tagħna. Hu meta nagħżlu lil Ġesù li nkunu għażilna lil min jista’ jmexxina fit-triq it-tajba.
Kif nafu li Ġesù hu r-ragħaj it-tajjeb? Hu sewwasew bil-qawmien tiegħu mill-imwiet li Ġesù jurina li hu r-ragħaj it-tajjeb, ir-ragħaj rebbieħ. La Ġesù rebaħ il-mewt, aħna nafu li t-triq li fiha qed imexxina hija t-triq tas-sewwa, li miegħu aħna mexjin fiż-żgur.
Isejħilna b’isimna
Fl-Evanġelju llum Ġesù jfisser b’liema mod imexxina bħala r-ragħaj it-tajjeb.
Huwa r-ragħaj li jsejjaħ lin-nagħaġ tiegħu “waħda waħda b’isimhom” (Ġw 10:3). Hekk hu Ġesù.
Ifakkarna li Alla lilna jafna wieħed wieħed u waħda waħda. Ma jħarisx lejna sempliċiment bħala folla enormi, imma kull wieħed u waħda b’isimna. Niftakru dak l-episodju sabiħ fl-Evanġelju meta Ġesù kien għaddej fit-triq ma’ folla nies u Żakkew tela’ ma’ siġra biex jista’ jarah għaddej; u Ġesù, imdawwar minn dik il-folla, waqaf u lilu sejjaħ b’ismu (Lq 19:5). Dak hu r-ragħaj it-tajjeb. Għalih kull wieħed u waħda minna importanti, u lilna jsejħilna b’isimna.
Jimxi quddiemna biex jiggwidana
Huwa r-ragħaj li n-nagħaġ “imur quddiemhom”(Ġw 10:4) biex jimxu warajh. Lilna jiggwidana. Jekk nimxu warajh, nafu li mexjin fit-triq it-tajba. Għandna mexxej li t-triq jafha tajjeb. Kif tlabna fis-salm: “Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi” (Salm 23:4). Din hija ċ-ċertezza li jagħtina r-ragħaj it-tajjeb. Mingħajr il-gwida ta’ Ġesù, inkunu “bħal nagħaġ mitlufa” (1 Pt 2:25), u faċli nieħdu triq żbaljata. Kemm hija vera fil-ħajja li mingħajr Ġesù li jmexxina nispiċċaw f’mixja li teħodna ġo sqaq jew dritt għal ġol-ħajt.
Leħnu jurina l-valuri veri tal-ħajja
Huwa r-ragħaj li jdawwalna bit-tagħlim tiegħu, u għalhekk jistedinna biex nisimgħu leħnu (Ġw 10:4) u nħallu lil leħnu jurina l-valuri veri tal-ħajja. Meta nimxu fuq il-kelma ta’ Ġesù, nafu li qed nagħrfu l-verità. Nafu kemm hi attwali din, fi żmien meta nkunu l-ħin kollu bbumbardjati minn messaġġi li jħawdulna moħħna, u nibdew ngħidu: fejn hi l-verità? Liema huma l-valuri veri li fil-ħajja jgħinuna biex ngħixu ta’ nies?
Leħnu jgħinna nagħmlu l-għażliet fundamentali fil-ħajja. Bejn li tagħmel vendetta u li taħfer, ir-ragħaj it-tajjeb jgħidilna li għandna naħfru; bejn li nkunu diżonesti, infittxu li niggwadanjaw minn fuq ħaddieħor, u li nkunu onesti, ir-ragħaj it-tajjeb jgħidilna li għandna nkunu onesti; bejn li ngħaffġu lil ħaddieħor meta jkollna xi poter u li naqdu lil ħaddieħor, ir-ragħaj it-tajjeb jgħidilna li għandna naqdu. Hu sewwasew jekk nisimgħu leħnu, u nagħtu kasu, li jista’ jkollna dik il-kelma li tmexxina, li turina l-valuri veri tal-ħajja.
Jagħtina l-ħajja
Huwa r-ragħaj li jagħtina l-ħajja. L-Evanġelju jispiċċa b’dak il-vers sabiħ ta’ kliem Ġesù: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u l-ħajja bil-kotra” (Ġw 10:10). Hu jgħid dan b’kuntrast mal-ħalliel li “jisraq, joqtol u jeqred”. Ġesù jagħtina l-ħajja ta’ dejjem minn issa, għax jgħinna nieħdu sehem fil-ħajja tiegħu, u jwassalna għall-ħajja li ma tispiċċax mal-mewt. Imma minn issa jkollna l-ħajja bil-kotra. Miegħu nafu li qed ngħixu sew.
Hu għalhekk li dak kollu li hu favur il-ħajja hu fil-linja ta’ Ġesù – ifakkarna fil-protezzjoni u l-għożża tal-ħajja minn meta tibda, mill-ewwel mument tnissil tagħha, sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Ġesù jrid li l-ħajja nipproteġuha, ngħixuha bis-sħiħ, u ngħixuha fil-paċi u l-ferħ tiegħu. Iktar ’il quddiem jgħid proprju dan: “biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u l-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (Ġw 15:11). Dik hi l-ħajja bil-kotra li jagħtina Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb tagħna.
Nitolbu għal rgħajja sinjali ta’ Kristu ragħaj
Nitolbu llum lill-Mulej, imdawlin mill-kelma tiegħu, biex ikun tassew għalina r-ragħaj it-tajjeb li jmexxina. Nitolbuh biex f’ħajjitna ma jħalliniex nitħawdu u nimxu wara min hu brigant jew ħalliel, min hu ragħaj fake.
F’din il-ġurnata, li fiha niċċelebraw Jum il-Vokazzjonijiet, niftakru b’mod partikulari fis-saċerdoti li jirrappreżentaw lil Ġesù, ir-ragħaj it-tajjeb. Nitolbu ħalli aħna s-saċerdoti ngħixu din il-missjoni tagħna b’fedeltà, u nitolbu biex ikunu ħafna dawk li jwieġbu għas-sejħa tal-Mulej ħalli jimxu warajh bħala saċerdoti, u hekk ikunu sinjali qawwija ta’ Ġesù r-ragħaj it-tajjeb.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju