San Valentinu, minbarra li hu meqjus il-qaddis patrun tal-imħabba, hu magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-epilessija. Xi wħud jattribwixxu dan għall-isem ‘Valentine’, li hu simili għall-kelma Ġermaniża għal ‘waqgħa’, peress li ħafna tipi ta’ aċċessjonijiet jistgħu jikkawżaw li persuna taqa’. Oħrajn jgħidu li isqof bl-isem Valentine fejjaq lill-iben oratur Ruman minn aċċessjoni.
Irrispettivament mill-għeruq tagħha, l-2022 hi sena speċjali peress li ż-żewġ festi jaħbtu fl-14 ta’ Frar – Jum San Valentinu u l-Jum Internazzjonali tal-Epilessija. Aktar minn 130 pajjiż, inkluż Malta, organizzaw avvenimenti speċjali biex jiġbdu l-attenzjoni dwar l-epilessija, waħda mill-aktar kundizzjonijiet komuni tal-moħħ li jaffettwaw ’il fuq minn 50 miljun ruħ madwar id-dinja, u ’l fuq minn 4,000 persuna f’Malta. L-Assoċjazzjoni tal-Epilessija ta’ Caritas Malta (CMEA), li ilha mwaqqfa għal 25 sena, taħdem bis-sħiħ biex ixerred aktar informazzjoni dwar din il-kundizzjoni tant ħarxa u li għadha ġġorr stigma sal-lum.
Il-vjola hu l-kulur assoċjat mal-epilessija u għal din ir-raġuni li fil-jiem li għaddew ħafna binjiet madwar Malta u Għawdex nxtegħlu bil-vjola, il-kulur internazzjonali għall-għarfien dwar l-epilessija. Dawn il-binjiet kienu jinkludu: il-Berġa ta’ Kastilja, Palazzo Castellania, Palazzo Ferreria, il-Kunsill Lokali Pembroke u l-uffiċċju tar-Reġjun Lvant, il-Kunsill Lokali Żurrieq, u l-Kunsill Lokali Għajnsielem. Il-Caritas Malta Epilepsy Association hi grata għall-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa, il-Ministeru għall-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, Regjun Lvant, Żurrieq u Għajnsielem.
Il-Caritas Malta Epilepsy Association (CMEA) twaqqfet fl-1996 u kienet reġistrata bħala NGO fl-2017 u taħdem fuq bażi volontarja. L-Assoċjazzjoni tipparteċipa wkoll bħala membru sħiħ u attiv tal-Uffiċċju Internazzjonali għall-Epilessija (IBE). Bħala parti mill-viżjoni tagħhom li jaħdmu lejn “ħajja aħjar għall-persuni b’epilessija” f’Malta, is-CMEA tipprovdi taħriġ b’xejn lill-edukaturi, LSEs u skejjel, Aġenzija Sapport, uffiċjali tal-pulizija, ħaddiema soċjali, u professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu f’diversi setturi.
Is-CMEA tipparteċipa wkoll fl-isforzi tal-media lokali u internazzjonali ma’ diversi partijiet interessati biex tiżgura kwalità ta’ ħajja aħjar u l-provvista ta’ kura tas-saħħa u servizzi soċjali aħjar għall-persuni bl-epilessija, dawk li jieħdu ħsiebhom u l-familji tagħhom.
Għal aktar informazzjoni jew titlob taħriġ għall-iskola jew il-post tax-xogħol tiegħek, ibgħat fuq [email protected] jew żur https://www.caritasmalta.org/cmea/.