Il-Missjoni Pontifiċja għall-Palestina, aġenzija Papali għall-għajnuna u l-iżvilupp fi Lvant Nofsani, dis-sena ċċelebrat is-60 anniversarju mit-twaqif tagħha. Din l-aġenzija tas-Santa Sede twaqqfet fl-1949 bħala soluzzjoni “temporanja” biex tingħata għajnuna lir-refuġjati Palestinjani sakemm is-sitwazzjoni tagħhom tkun risolta. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan l-anniversarju saret riċentament fin-Notre Dame taċ-Ċentru ta’ Ġerusalemm.
L-Arċisqof Antonio Franco, nunzju appostoliku għall-Israel, ippresieda quddiesa tal-okkażjoni, li kienet konċelebrata mill-Arċisqof ta’ Akka, mill-Isqof Awżiljarju ta’ Ġerusalemm, mill-kanċillier tal-Patrijarkat Latin ta’ Ġerusalemm u minn saċerdoti oħrajn. Wara l-quddiesa, tul bibita qasira, id-direttur reġjonali l-ġdid għall-missjoni, Sami El-Yousef, tkellem dwar l-erba’ pilastri għall-iffukar mill-aġenzija li identifikahom bħala l-għajnuna umanitarja, l-appoġġ pastorali, il-komunikazzjoni bejn denominazzjonijiet differenti ta’ fidi u l-kuxjenza pubblika. Huwa ppreżenta wkoll logo ġdid għall-organizzazzjoni bil-għan li ssir iktar enfasi fuq is-sħubija bejn is-Santa Sede u l-poplu Palestinjan fil-binja tas-soċjeta. Attwalment, il-missjoni sservi lill-poplu ta’ Israel, l-istrixxa ta’ Gaza, ix-Xatt tal-Punent, il-Ġordan, l-Iraq, il-Libanu u s-Sirja.