Tħabbar l-itinerarju tal-vjaġġ li l-Papa Benedittu XVI se jagħmel il-Libanu bejn l-14 u s-16 ta’ Settembru li ġej, bil-għan prinċipali jkun li jiffirma l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali tal-Assemblea Speċjali għal-Lvant Nofsani fi ħdan is-Sinodu tal-Isqfijiet li kien sar fil-Vatikan lura f’Ottubru 2010.
Il-Papa se jitlaq mill-ajruport ta’ Ciampino f’Ruma nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru fid-9.30am u jasal fl-ajruport internazzjonali Rafik Hariri f’Beirut fis-1.45pm. Wara ċ-ċerimonja uffiċjali mal-wasla, se jivjaġġa lejn Harissa fejn se jżur il-Bażilika ddedikata lil San Pawl u jiffirma l-Eżortazzjoni Appostolika.
L-għada s-Sibt fl-10am il-Papa għandu jittieħed il-Palaza Presidenzjali f’Baabda fejn se jagħmel żjara ta’ kortesija lill-President tal-Libanu, lill-Prim Ministru u lill-iSpeaker tal-Parlament. Jiltaqa’ iktar tard mal-mexxejja tal-komunitajiet Musulmani, li jkun segwit minn diskors tiegħu quddiem rappreżentanti tal-Gvern, tal-istituzzjonijiet Statali, Korp Diplomatiku, mexxejja reliġjużi u dawk mid-dinja tal-kultura.
Fl-istess jum il-Papa se jkun mistieden għal ikla fil-Patrijarkat Kattoliku Armen ta’ Bzommar, flimkien mal-Patrijarki u Isqfijiet tal-Libanu, membri tal-Kunsill Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għal-Lvant Nofsani u l-entourage tal-Papa. Fis-6pm imbagħad hu skedat li jindirizza liż-żgħażagħ miġbura fil-pjazza quddiem il-Patrijarkat Maronita f’Bkerke.
Il-Ħadd 16’ ta’ Settembru, fl-10am il-Papa se jiċċelebra l-ewkaristija fis-City Centre Waterfront f’Beirut fejn jgħaddi uffiċjalment l-Eżortazzjoni Appostolika Post-Sinodali. Wara t-talba tal-Angelus, jivjaġġa bil-karozza lejn in-nunzjatura appostolika ta’ Harissa u jiekol mal-entourage tiegħu. Fil-5.15pm għandu jippresiedi laqgħa ekumenika fil-Patrijarkat Syro-Kattoliku ta’ Charfet. Minn hemm jittieħed direttament lejn l-Ajruport ta’ Beirut għal titjira lejn Ruma skedata li titlaq fis-7pm.