-
-
Caritas Malta Epilepsy Association nidiet Epilepsy Toolkit bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, iffinanzjat mill-proġett PEKTUR, skema ta’ fondi pprovduti mill-Kummissarju għal-Promozzjoni ta’ Persuni b’Diżabbiltà, CRPD. Is-Sur Frank Portelli, President CMEA, ippreżenta kopji lis-sur Oliver Scicluna, Kummissarju CRPD.
Fil-preżentazzjoni tiegħu, s-Sur Portelli spjega kif l-epilessija hija waħda mill-kundizzjonijiet newroloġiċi l-iżjed komuni u l-kundizzjoni tiġri meta jkun hemm elettriku eċċessiv fil-moħħ. Din il-kundizzjoni taffettwa madwar 1% tal-popolazzjoni fid-dinja u fil-gżejjer Maltin hawn ’il fuq minn 4,000 persuna li għandhom din il-kundizzjoni. Saru avvanzi kbar f’dan il-qasam tas-saħħa għall-kura fuq l-epilessija u hawn ukoll bosta mediċini ġodda li jikkontrollaw madwar 70% tal-aċċessjonijiet. Xorta waħda, f’bosta pajjiżi inkluż l-Ewropa, persuni b’din il-kundizzjoni għadhom ikollhom esklużjoni soċjali, kif ukoll diskriminazzjoni u stigma. Din taffettwa ħażin lill-persuni b’din il-kundizzjoni f’edukazzjoni kif ukoll meta jfittxu xogħol.
Caritas Malta Epilepsy Association ilha mwaqqfa għal iktar minn 20 sena, u bħalissa għandha mat-300 membru u taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar din il-kundizzjoni. Dan it-toolkit kien maħsub li jipprovdi informazzjoni bażika lill-pubbliku, kif ukoll jgħin persuni b’epilessija jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan il-ktejjeb jikkumplimenta l-pariri u l-istruzzjonijiet li jingħataw mill-professjonisti mediċi. Dan it-toolkit se jintuża mis-CMEA biex jgħinha fl-attivitajiet u programmi ta’ taħriġ varji li jsiru għall-ġenituri, għal min iħaddem, pulizija, care workers u għalliema fost l-oħrajn.
Għall-aktar informazzjoni kkuntattja lil CMEA fuq [email protected]
-