-
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Knisja Parrokkjali San Bert, Ħal Għargħur
22 ta’ Awwissu 2017
Illum qegħdin niċċelebraw it-tifkira jew il-festa ta’ Marija Sultana u lill-kappillan tlabtu li naqraw l-Evanġelju tat-tieġ ta’ Kana għaliex immedjatament qabel dan ir-rakkont li għadna kemm smajna u li jagħtina ħjiel ta’ kemm il-Madonna tieħu ħsiebna, għax hi, malli ndunat li ma kienx hemm inbid, inkwetat daqskemm inkwetaw l-għarajjes u qaltlu: “Ma baqgħalhomx inbid”, u Ġesù qalilha: “Aħna x’għandna x’naqsmu, mara?”. Imma hi insistiet ftit: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”. U Ġesù qalilhom biex jimlew sitt ġarar kbar bl-ilma u meta mbagħad bdew iferrgħu minnhom, kien inbid (ara Ġw 2, 3-6).
Imma intom tafu li San Bert kien mill-istess raħal; Natanjel minn Kana tal-Galilija u għat-tieġ ta’ Kana ma kinetx biss mistiedna l-Madonna. “Dak il-jiem”, hekk jibda l-Evanġelju li qara l-Kappillan, Dun Chris Galea, “Sar tieġ f’Kana tal-Galilija u omm Ġesù kienet mistiedna” (v.1) u allura kien mistieden Ġesù u dak ġab id-dixxipli tiegħu. Issa xi ħadd jgħix f’Kana, jew minn Kana, kien ikun mistieden żgur; Kana anke llum mhux raħal kbir, aħseb wara fi żmien Ġesù. Kienu jkunu rħula ċkejnin, kulħadd jaf lil xulxin, bħalna. Allura mbagħad jekk tagħmel tieġ, allaħares ikun hemm xi ħadd ma tistednux għax jibqa’ bil-geddum għal ħafna snin, biex ma ngħidux għal dejjem. Anke fostna ssir din ukoll. Allura immaġinaw intom lil Natanjel mill-Kana tal-Galilija mistieden ukoll għal dan it-tieġ, imma mistieden ukoll bħala dixxiplu ta’ Ġesù.
San Bert, flimkien mad-dixxipli ta’ Ġesù, wara l-miraklu fit-tieġ ta’ Kana, ra l-glorja ta’ Ġesù u emmen fih.
Dan ir-rakkont hu importanti għaliex niftakru li fl-ewwel laqgħa ta’ Natanjel, ta’ San Bert, ma’ Ġesù, lil Filippu jgħidlu: “Imma x’jista’ joħroġ minn Nazzaret, qed tgħidli Ġesù ta’ Nazzaret?”. U meta jiltaqa’ mal-imgħallem dan jgħidlu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin”. Natanjel jgħidlu: “Inti bin Alla”. “Għad tara ħwejjeġ ikbar minn dawn jgħid Ġesù lil Natanjel, lil San Bert (ara Ġw 1, 46.48-50).
Imma San Bert, flimkien mad-dixxipli ta’ Ġesù, wara l-miraklu fit-tieġ ta’ Kana, ra l-glorja ta’ Ġesù u emmen fih. L-Evanġelju jsemmi d-dixxipli ta’ Ġesù fil-bidu bħala l-mistednin ma’ Ġesù u fosthom żgur kien hemm il-qaddis tagħna. Imma fl-aħħar tal-Evanġelju jerġa’ jsemmihom u jgħid “u d-dixxipli tiegħu”, inkluż San Bert, “raw il-glorja tiegħu u emmnu fih” (Ġw 2, 11).
Il-Madonna tgħin lid-dixxipli ta’ Ġesù permezz ta’ dan l-ewwel sinjal, permezz ta’ dan l-ewwel miraklu biex jaraw il-glorja ta’ Binha fuq żewġ livelli. L-ewwel nett bħala dak li kapaċi jbiddel sitwazzjoni ta’ niket, ta’ diffikultà, f’sitwazzjoni ta’ ferħ: dak li kapaċi jbiddel l-ilma f’inbid. “Dak li r-risposta tiegħu għad-diffikultajiet tagħna,” jgħid il-Papa Franġisku, “hija ħafna ikbar minn dak li nkunu qed nistennew” għaliex kull ġarra kienet tesa’ mija u għoxrin litru. Immaġinaw mija u għoxrin litru għal sitta, seba’ mija u għoxrin. Immaġinaw seba’ mija u għoxrin litru ta’ inbid mill-aqwa! Seba’ mija u għoxrin litru ta’ nbid mill-aqwa! Dik ir-risposta ta’ Ġesù.
Kultant Alla ma jirrispondix għax jekk ikollu jkellimmna, imbagħad nisktu aħna.
Il-Papa Franġisku jgħidilna: “Ara taqtgħu qalbkom mill-providenza t’Alla, għax Alla mhux biss jagħtik dak li hemm bżonn jagħtik”; kultant nitolbuh ħażin allura jgħid: ‘Aħjar ma nismagħhomx, taparsi ttarraxt għaliex dan li se jitolbuni mhux tajjeb għalihom’. Bħal omm li t-tifel jitlobha xi ħaġa taf li tagħmillu l-ħsara, avolja jridha, hi taparsi mhux qed tisimgħu biex la tgħidlu le imma żgur ma tgħidlux iva għax mhux tajjeb għalih. Kultant Alla jagħmel hekk magħna wkoll u aħna ngħidulu, “Mela ttarraxt?”. Kultant Alla ma jirrispondix għax jekk ikollu jkellimmna, imbagħad nisktu aħna. Imma Alla, meta jagħtik dak li għandek bżonn, speċjalment il-maħfra tiegħu, il-grazzja tiegħu, jagħtihielek bl-abbundanza.
Mela raw il-glorja tiegħu għax raw il-qawwa tiegħu u l-imħabba tiegħu. L-imħabba tiegħu wkoll intweriet f’kemm jieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħna l-bnedmin: Li hu r-Ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu (Ġw 10, 15). U dan kollu, il-Madonna mbuttat lil Binha f’dan il-kuntest ta’ mħabba, hu li kellu mbagħad jagħti ħajtu fuq is-salib u jurina li hu jħobbna sal-aħħar qatra ta’ demmu bħalma jgħanni Dun Karm fl-innu sabiħ Tina l-Ħlewwa: “L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna”. U għalhekk m’għandniex għalfejn niddubitaw mill-imħabba ta’ Ġesù.
M’għandi l-ebda dubju li San Bert kien preżenti għat-tieġ ta’ Kana, iltaqa’ mal-Madonna, u allura raha timbotta lil Binha biex jagħmel l-ewwel sinjal, ra l-ewwel sinjal ta’ Ġesù, ra l-glorja ta’ Ġesù u emmen fih. U l-fidi ta’ San Bert, dan l-Iżraeljan li “fih m’hemm l-ebda qerq” (Ġw 1, 47), kibret fih tant li rebaħ ukoll id-diffikultà tal-Ġimgħa l-Kbira għax hu fil-Ġimgħa l-Kbira staħba, ma kienx ħdejn is-salib ta’ Ġesù. Lil Ġesù ħarablu. Imma mbagħad f’Ħadd il-Għid Imqaddes, meta l-Mulej Ġesù deher fiċ-ċenaklu bil-bibien magħluqa u qalilhom, “Il-paċi magħkom” (Ġw 20, 19), hu hemm kien. Tumas ma kienx hemm. Natanjel, San Bert, kien hemm u ltaqa’ mal-Mulej irxuxtat. Anke hu, flimkien mal-Madonna, ħejja ruħu biex jirċievi l-Ispirtu s-Santu u hekk il-Madonna hija s-Sultana, ir-Reġina anke tal-appostli għaliex kienu madwarha jitolbu l-miġja tal-Ispirtu s-Santu.
San Bert kellu wkoll il-mument tad-dgħufija tiegħu nhar il-Gimgħa l-Kbira, imma kellu wkoll il-mument tal-maħfra u tal-irxoxt spiritwali tiegħu.
Mela Ġesù ħafrilhom iċ-ċaħda tagħhom, għax mhux Pietru biss ċaħdu. Ġwanni biss baqa’ ħdejn l-omm u mar ħdejn is-salib, l-oħrajn kollha ħarbu, inkluż San Bert. Imma Ġesù ma refagħhilux fil-komma, ħafirlu bħalma ħafer lill-oħrajn, tah il-qawwa li jaħfer id-dnubiet bħalma ta lill-oħrajn, u fil-mument ta’ tlugħ is-sema, mal-oħrajn ukoll tah ordni biex ixandar l-Evanġelju mat-trufijiet kollha tad-dinja, bħalma għamel. U fiċ-ċenaklu nhar Għid il-Ħamsin irċieva d-doni tal-Ispirtu s-Santu.
San Bert, li ma kienx fih qerq, kellu wkoll il-mument tad-dgħufija tiegħu nhar il-Gimgħa l-Kbira, imma kellu wkoll il-mument tal-maħfra u tal-irxoxt spiritwali tiegħu. Aħna nirringrazzjaw lil Alla talli l-appostli huma nies bħalna u ta’ mħabba kbira. Wara kollox l-istatwa tant sabiħa u għażiża, turina t-tbatija tiegħu fil-martirju. Sofra l-eħrex tortura li setgħu jivvintaw il-Persjani u li baqgħet tintuza’ għas-sekli ta’ wara: li tqaxxar il-bniedem mill-ġilda tiegħu waqt li għadu ħaj. U fl-istess ħin dan il-martirju kiefer tana eżempju ta’ fedeltà li ġejja bil-qawwa tal-grazzja tal-Ispirtu s-Santu.
Għożżu l-adorazzjoni Ewkaristika
Illum, lill-Madonna nitolbuha l-grazzja li minn din il-parroċċa għażiża jkollna d-don tal-vokazzjonjiet. Dun Chris, ara x’se tagħmel biex ikollna lil xi ħadd mill-Għargħur fis-seminarju. Kemm ilu ma jkollna? Dun David Gauci, l-Arċipriet tan-Naxar, kien l-aħħar wieħed. Imma dak 23 sena ilu. Meta se nagħmlu prima messa hawnhekk u nġibuh bil-banda? Nitolbu, nitolbu biex il-Mulej isejjaħ żgħażagħ ġenerużi minn din il-parroċċa, kemm għas-saċerdozju kif ukoll għall-ħajja reliġjuza. Hawn qed nara s-sorijiet, kollha mimlijin żgħożija, imma għandhom bżonn ukoll min jilħaq warajhom, mhux hekk sisters? Taqblu miegħi.
L-aħħar kelma li ngħidilkom hija din: għożżu l-adorazzjoni Ewkaristika. Intom tagħmlu adorazzjoni kull nhar ta’ Ħamis. Għożżu l-Ewkaristija ta’ Ġesù Ewkaristija. Anke tkun għaddej u ssellimlu. M’hemmx għalfejn tul. Imqar tħidlu, “Bonġu Ġesù” Tkellmu bħalma ħabib ikellem lill-ħabib, u lill-familji, imqar tgħid is-Sliema u l-Qaddisa. Imma tgħiduli, “Aħna ngħidu r-rużarju”. Prosit! Imma min ma jistax jgħid ir-ruzarju, imqar jgħid flimkien tliet Ave Marijiet lill-Madonna. Għat-televixin u għall-komputer għandna ħin, u għal ma nafx xiex għandna ħin ukoll. Għal tliet Ave Marijiet lill-Madonna flimkien qabel norqdu m’għandniex ħin? Tgħiduli, “Aħna lanqas nieklu flimkien m’għandna ċans”. Mela allura kulħadd jgħidhom individwalment għall-ġid tal-familja, għall-ġid tal-parroċċa u għall-vokazzjonijiet.
Nirringrazzjakom ħafna, inwegħedkom li nerġa’ niġi għax jien nieħu pjaċir niġi l-Għargħur, l-ewwel nett għax din il-knisja għalija hija waħda mill-isbaħ knejjes li għandna. Hawnhekk kollox sabiħ u allura jien nitpaxxa niġi f’din il-ġawhra, speċjalment għall-festa. Għalhekk nirringrazzjakom ukoll tal-appoġġ li tagħtu lill-kappillan u lill-parroċċa. Agħmluli pjaċir kunu maqgħudin ħaġa waħda flimkien, ħobbu lil xulxin, aħna rridu nkunu maqgħudin. Imma importanti li naħdmu għall-għaqda tagħna. Tgħidu, “Illum l-Isqof bid-daqquqa ġie hawn,” u veru, imma qed inħossni at home. Inkellimkom b’qalbi f’idejja, imberikkhom u nawgurawlkom minn issa festa sabiħa kif tafu tagħmlu, festa sabiħa. Viva Marija Reġina u viva San Bert.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
-