• Sommarju

    Xahar mill‑ġurnata meta l‑ġurnalista Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata f’attakk ippremeditat fuq is‑soċjetà tagħna, il‑Kummissjoni tal-Knisja għall-Ġustizzja u Paċi, tħeġġeġ liċ‑ċittadini kollha sabiex jirriflettu fuq il‑qagħda tas‑soċjetà tagħna llum, biex jieħdu azzjoni konkreta u jaħdmu għall‑ġid komuni, u biex jippromwovu l‑paċi.

    Ir‑reazzjonijiet għall‑qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tefgħu dawl fuq il‑polarizzazzjoni li teżisti fis‑soċjetà tagħna li għadha maqsuma skont il‑lealtà politika partiġġjana. Xahar wara għadu qed jinħass nuqqas ta’ paċi fis‑soċjetà tagħna, filwaqt li qed nitqabdu biex nifhmu l‑gravità ta’ dak li seħħ u l‑implikazzjonijiet, kemm għalina bħala individwi kif ukoll bħala komunità.

    Waqt li indubbjament huwa meħtieġ li nitolbu lil Alla għad‑don tal‑paċi tiegħu, huwa ċar li dan mhuwiex biżżejjed. “Il‑paċi hija kemm don kif ukoll impenn”[1] li jitlob impenn veru minn kull wieħed u waħda minna biex naħdmu għal soċjetà msejsa fuq il‑verità, il‑ġustizzja, il-libertà u l‑imħabba, li huma l‑erba’ valuri li jiddependu fuq xulxin u li fuqhom tissawwar il‑paċi.

    It‑tfitxxija għall‑verità timbuttana biex inħarsu lil hinn minn dak li jidher mad‑daqqa t’għajn, imma ġġegħelna nfittxu informazzjoni minn sorsi oħra apparti dawk tal‑partit politiku li nżommu miegħu jew mill‑posts u opinjonijiet ixxerjati minn ‘ħbieb’ tal‑istess fehma li għandna fuq il‑midja soċjali.

    Soċjetà ġusta ma tintilifx f’terminoloġiji legalistiċi fejn l‑unika intenzjoni tkun li timxi mal‑ittra tal‑liġi waqt li tkisser l‑ispirtu tagħha. Soċjetà ġusta hija dik fejn is‑saltna tad‑dritt hija ggarantita, fejn id‑drittijiet u l‑obbligazzjonijiet huma rispettati mhux biss mill‑Istat imma minn kull individwu, u fejn kulħadd huwa ndaqs quddiem il‑liġi.

    Is‑sejħa għall‑imħabba titlob minna li mhux biss intaffu t‑tbatija individwali permezz tal‑karità, imma li naħdmu fuq il‑livell soċjali, politiku u ekonomiku biex immexxu ’l quddiem il‑ġid komuni.

    Il‑valur tal‑libertà jimplika, kemm impenn individwali biex teżerċita l‑libertà b’mod responsabbli, kif ukoll impenn tal‑Istat, li dejjem għandu r‑responsabbiltà aħħarija biex jiżgura li s‑soċjetà tagħna hija verament ħielsa. L‑Istat jagħmel dan billi jħares id‑drittijiet ta’ kulħadd, anki ta’ dawk li ma jaqbilx magħhom, biex jitkellmu, jikkritikaw u li jkunu attivi soċjalment u politikament. Mhux biss, imma għandu wkoll joħloq istituzzjonijiet b’saħħithom u indipendenti, mgħammra biex jiggarantixxu d‑difiża tal‑libertajiet individwali.

    Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi temmen li, waqt li hemm bżonn serju li nagħrfu u nitolbu ndiema għar‑responsabbiltà personali ta’ kull wieħed minna għall‑qagħda tas‑soċjetà tagħna llum, huwa wkoll essenzjali li nieħdu sehem f’azzjoni konkreta li ġġib il‑bidla.

    Bla dubju, f’soċjetà tant ippolarizzata, dejjem hemm ir‑riskju li dak kollu li ngħidu, minkejja l‑bilanċ, ser ikun meqjus b’lenti partiġġjana jew immanipulat biex iservi interessi partiġġjani. Imma dan ma jistax ikun, u m’għandux ikun skuża biex inċedu l‑obbligu tagħna li ngħidu l‑verità lill‑politiċi u li naħdmu għall‑ġid komuni.

    F’sitwazzjoni kkunsidrata minn ħafna bħala ta’ disprament, aħna msejħin inkunu aġenti ta’ tama li nħabirku għall‑ġustizzja u l‑paċi.

    [1] Papa Benedittu XVI, Messaġġ għall-XL Jum Dinji tal-Paċi, 1 ta’ Jannar 2007.

    Dokument sħiħ

    Agħfas hawn biex taqra d-dokument sħiħ mill-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, ippubikat fis-16 ta’ Novembru 2017, xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

     .