L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Bdew iġorru l-morda” (Mk 6:55). Dan hu li naqraw fl-Evanġelju skond San Mark dwar dawn in-nies li kienu qegħdin jiġru wara Ġesù – fejn ikun hu, imorru huma – u bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ biex jeħduhom għandu ħalli jfejjaqhom. Tolqotna mal-ewwel il-fidi ta’ dawn in-nies li kienu jemmnu li Ġesù jista’ jfejjaq il-morda, imma wkoll kemm kienu jgħinu lil xulxin. Għax meta l-Evanġelju jgħid li “bdew iġorru l-morda”, dan għax kien hemm min ma setax jasal għand Ġesù. Niftakru f’dak il-każ – ġrajja partikulari – meta kien hemm erbgħa min-nies iġorru lil wieħed paralizzat, ma setax jasal għand Ġesù, u biex jaslu għandu, telgħu u niżżluh mis-saqaf quddiem Ġesù (ara Mk 2:3-4). Tolqotna, għalhekk, il-ġenerożità ta’ dawn in-nies li kienu jgħinu lill-morda biex jaslu għand Ġesù. 

Żgur li meta nħarsu lejn Ġesù, hawnhekk narawh bħalma narawh f’tant mumenti fl-Evanġelju: Ġesù mimli kompassjoni, mimli imħabba, u li jinteressah il-bniedem sħiħ, il-ġid tiegħu kollu. Tant hu hekk, li l-Evanġelju jgħid li n-nies morda fejjaqhom. Din importanti li aħna niftakru li Ġesù l-interess tiegħu kien il-bniedem sħiħ. Lil dawn il-morda, Ġesù ma qalilhomx: morru għand tabib, imma jien ejjew għandi għal affarijiet spiritwali. Kien jinteressa ruħu minn kollox: kien ifejjaq, kien jillibera mill-ħażen, kien jgħallem, kien jagħmel dejjem il-ġid lill-bniedem sħiħ. U lil kulħadd. Ma hemmx eċċezzjoni. Meta ħadu l-morda quddiem Ġesù, ma għamilx distinzjoni bejn persuna u oħra, imma kien ifejjaq lil kulħadd, għax għalih kulħadd importanti.

Hawn jolqotna dan id-dettall fl-Evanġelju meta jgħid li “kienu jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar” (Mk 6:56). Kemm hi sabiħa din! Biżżejjed tarf il-mantar biex ifiqu. Tfakkarna fil-ġrajja ta’ dik il-mara li kienet ilha tnax-il sena tbati bit-tnixxiegħa tad-demm u riedet tfiq, u dik azzardat – lanqas staqsietu – li tmiss il-mantar. U Ġesù dakinhar faħħar il-fidi ta’ din il-mara, u fejjaqha (ara Mk 5:25-34). Dawn jitolbuh biex imissu mqar tarf il-mantar. Araw x’fidi sabiħa f’Ġesù li jfejjaq, Ġesù li jagħmel il-ġid.

X’jgħidilna l-Evanġelu għall-ħajja tagħna llum? L-ewwel nett li niftakru li f’Ġesù għandna dak li jsalvana, dak li lilna jfejjaqna. Ġieli jfejjaqna wkoll fiżikament. Imma żgur jagħtina l-fejqan minn ġewwa li lkoll għandna bżonn, dak li fil-ħajja tagħna ma jħalliniex fil-paċi. Ġesù jagħtina tassew il-paċi fil-qalb tagħna. Jipprovdilna nies ukoll li jgħinuna fil-fejqan fiżiku, fejqan mentali, fejqan ta’ tip ieħor, emozzjonali. Irridu nuru apprezzament lejn tant nies li qed jaħdmu għall-fejqan. Dawn huma rigali mingħand Alla, u jagħmlu ħilithom biex ifejqu lil dawk li b’xi mod jew ieħor jeħtieġu s-saħħa mill-ġdid u jeħtieġu din l-għajnuna fil-ħajja tagħhom.

Imbagħad Ġesù lilna jistedinna biex nissieħbu miegħu wkoll f’dan il-fejqan. Mhux bilfors għax aħna tobba, jew għax aħna professjonisti fil-qasam tal-fejqan fiżiku, jew mentali jew emozzjonali. Imma lilna lkoll jistedinna biex inkunu msieħba miegħu fil-fejqan. Għax aħna, b’kelma ta’ ġid, kelma li turi appoġġ u sapport, u persuna qed tismagħha – tgħin fil-fejqan tagħha ħafna drabi. Niftakru li hawn ħafna feriti, hawn ħafna ġrieħi fil-ħajja tan-nies – fil-ħajja personali, fil-ħajja tal-familja u fis-soċjetà. U aħna importanti li nkunu strumenti tal-fejqan ta’ dawn il-ġrieħi, li nagħrfu kif nistgħu ngħinu biex jitfejqu dawn. Għalhekk il-Papa Franġisku, meta jitkellem fuq il-Knisja, jgħid li f’diversi ċirkustanzi llum il-Knisja qisha qiegħda f’kamp tal-battalja – fejn inti trid tara l-feriti li trid tfejjaq l-ewwel, qabel ma tgħaddi għal affarijiet oħra. Importanti li nkunu msieħba ma’ Ġesù f’dan il-fejqan.

Nitolbu lill-Mulej l-ewwel nett biex lilna jfejjaqna minn dak li f’ħajjitna jfixkilna, biex lilna jagħtina l-paċi fil-qalb tagħna, u biex jgħinna wkoll, b’mod jew ieħor kif nistgħu, biex nissieħbu miegħu ħalli nkunu strumenti tal-fejqan tiegħu għal ħafna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju