Il-Ħamis, 20 ta’ April 2017, miet l-Arċisqof Emeritu ta’ Guiyang fiċ-Ċina, Mons. Andrea Aniceto Wang Chongyi. Hu kellu 97 sena u kien wieħed mill-ixjeħ isqfijiet fiċ-Ċina.
L-Arċisqof Emeritu twieled fis-26 ta’ Ottubru 1919 fil-villaġġ ta’ Huangguoshu, distrett ta’ Zhenning f’Guizhou. Familtu kienet tħaddan ir-reliġjon Kattolika u ta’ 13-il sena daħal fis-Seminarju minuri ta’ Guiyang biex imbagħad kompla jattendi s-Seminarju tan-nofs u dak maġġuri. Ġie ordnat saċerdot fl-24 ta’ Ottubru 1949 u nħatar kappillan ta’ Meitan u Zunyi.
Waqt ir-revoluzzjoni kulturali, Mons. Chongyi ġie arrestat u għal disa’ snin sħaħ kien imġiegħel jaħdem ġo villaġġ f’Zhenning. Fl-1979 irritorna fil-parroċċa ta’ Zunyi.
Fl-4 ta’ Diċembru 1988 ġie ordnat Isqof ta’ Guiyang. Mons. Chongyi jibqa’ magħruf mal-poplu tiegħu bħala isqof ġentili u anke umli.
Fit-8 ta’ Settembru 2014 irriżenja minn isqof u sena wara, fl-4 ta’ Marzu 2015, il-Papa Franġisku laqa’ x-xewqa tiegħu.
L-Arċisqof Chongyi ħalla l-arċidjoċesi tiegħu f’idejn il-Mons. Paolo Xiao Zejiang, fejn fil-preżent hemm 23 saċerdot, aktar minn 40 reliġjuż u madwar 100,000 Nisrani.
Il-funeral ta’ Mons. Andrea Aniceto Wang Chongyi ġie ċċelebrat fit-22 ta’ April li għadda fil-katidral ta’ Guiyang.