In-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-E.T. l- Arċisqof Savio Hon Tai-Fai SDB, għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fejn kien milqugħ minn Fr Martin Micallef, Direttur, u mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar.
Huwa kellu l-opportunità jiltaqa ma’ għadd ta’ residenti u support workers tad-Dar. In-Nunzju Appostoliku qal li kien ta’ ferħ kbir għalih li jżur id-Dar tal-Providenza, lin-nies li jgħixu hemm kif ukoll dawk li jaħdmu hemm. Hu kellu kliem ta’ tifħir għax-xogħol li jsir mal-persuni b’diżabilità imma fuq kollox għall-preżenza ta’ Alla li tant tinħass f’dan il-post.
Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin tkellem fuq is-snin bikrin tad-Dar u l-ħidma li saret mill-1965 ‘l hawn, aktar u aktar mill-1968 meta daħlu l-ewwel tliet residenti fid-Dar tas-Siġġiewi. Huwa għamel referenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju li nkludew ukoll laqgħa ma’ Papa Franġisku fir-residenza Santa Marta fil-Vatikan. Huwa kien ħa b’idejn kull min kien hemm fil-grupp li, minbarra r-residenti, kien jinkludi wkoll lill-Mons. Arċisqof Charles Scicluna u l-Arċisqof Emeritu Pawl Cremona, support workers, impjegati oħra u volontiera. Fr Martin talab lin-Nunjzu biex iwassal lill-Qdusija Tiegħu l-imħabba, l-affezzjoni u t-talb minn kulħadd fid-Dar tal-Providenza.
Matul iż-żjara tiegħu, in-Nunzju ittieħed jara l-kappella, il-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi u l-qabar fejn hu midfun, il-pixxina terapewtika, iċ-Ċentru Agrikolu San Isidor, il-kmamar multisensorjali, kif ukoll fil-kċina u l-laundry fejn sab ħin ukoll biex jitkellem ma’ xi wħud mill-ħaddiema dwar ix-xogħol li jagħmlu.