• In-Nunzju Appostoliku l-ġdid għal Malta, Monsinjur Alessandro D’Errico, żar il-Kummissjoni Emigranti u kellu l-opportunità jsir jaf aktar mill-qrib il-ħidma li din il-Kummissjoni ilha tagħmel mill-1958, f’isem tal-Knisja f’Malta, l-ewwel mal-emigranti Maltin u l-familja tagħhom u, maż-żmien, mar-refuġjati u l-migranti li bdew jaslu Malta jfittxu ħarsien internazzjonali.

     

    Mons. D’Errico ntlaqa’ f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, minn Mons. Philip Calleja, Fundatur u President tal-Kummissjoni Emigranti, u minn Mons. Alfred Vella, Direttur. Huma u jdawruh mad-diversi taqsimiet ta’ Dar l-Emigrant u jlaqqgħuh mal-impjegati u l-voluntiera, Mons. D’Errico waqaf ukoll jitkellem ma’ numru ta’ refuġjati li kienu fil-post biex jistaqsu għal diversi forom ta’ għajnuna.

     

    In-Nunzju Appostoliku qal li ż-żjara tiegħu lill-Kummissjoni Emigranti hija parti mill-impenn tiegħu li jsegwi fuq il-passi tal-Papa Franġisku, li qed jisħaq ħafna fuq il-bżonn li r-refuġjati u l-migranti jingħataw l-aħjar protezzjoni u għajnuna possibbli. Huwa wera apprezzament kbir għall-ħidma li l-Kummissjoni Emigranti ilha twettaq sa mill-bidu tas-snin sebgħin biex tikseb protezzjoni internazzjonali għar-refuġjati li jaslu Malta u tgħinhom b’kull mezz li tista’ fil-bżonnijiet umanitarji tagħhom.

     

    Mons. D’Errico laqa’ bil-ferħ stedina li għamillu Mons. Vella biex wara din iż-żjara f’Dar l-Emigrant, iżur ukoll id-djar ta’ kenn li l-Kummissjoni Emigranti għandha għar-refuġjati u l-migranti, li fihom jistgħu jilqgħu sa 400 persuna fi żmien wieħed.