L-Arċisqof Alessandro D’Errico ħabbar li se jtemm il-ħidma tiegħu bħala Nunzju Appostoliku tas-Santa Sede għal Malta. Mons D’Errico, li għandu 71 sena, se jirtira bl-età u jħalli Malta fix-xhur li ġejjin.
Huwa wassal din l-aħbar personalment lill-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex waqt laqgħa tal-Konferenza Episkopali li saret il-bieraħ fin-Nunzjatura Appostolika f’Tal-Virtù, ir-Rabat.
L-Arċisqof D’Errico qal li kienu diversi r-raġunijiet li wassluh li jieħu din id-deċiżjoni li ilu jirrifletti dwarha għal dan l-aħħar żmien.
L-Arċisqof D’Errico, li huwa minn Napli, inħatar Nunzju Appostliku għal Malta u l-Libja mill-Papa Franġisku fis-27 ta’ April 2017. Qabel ġie Malta huwa kien Nunzju Appostoliku fil-Kroazja.
Magħruf għall-ħidma pastorali tiegħu biex ikun qrib in-nies, kemm permezz tal-preżenza tiegħu waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knejjes u anke fuq Facebook, l-Arċisqof Alessandro D’Errico kien Nunzju Appostoliku f’għadd ta’ pajjiżi minn meta ngħaqad fis-Servizz Diplomatiku tas‑Santa Sede kważi 45 sena ilu. Il-pajjiżi fejn serva jinkludu l-Greċja, it-Tajlandja, il‑Brażil, il-Pakistan, il‑Bożnija‑Ħerzegovina u l-Montenegro.
In-Nunzju Appostoliku għandu r‑responsabilità li jirrappreżenta lill-Papa, kemm mal-knisja lokali kif ukoll mal‑awtoritajiet ċivili, filwaqt li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin bejn is-Santa Sede u l-Gvern ta’ Malta. Huwa wkoll id‑Dekan tal‑Korp Diplomatiku akkreditat għar‑Repubblika ta’ Malta.
Sors: Newsbook Malta