Aktar kmieni llum, tħabbar li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI ħatar lin-Nunzju Appostoliku ġewwa Malta, l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Tommaso Caputo, bħala l-Arċisqof il-ġdid tal-belt ta’ Pompei u Delegat Pontifiċju għas-Santwarju tal-Imqaddsa Verġni Marija tar-Rużarju ta’ Pompei.
L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Tommaso Caputo, li għandu 62 sena u huwa mill-belt ta’ Napli, kien ordnat saċerdot fl-1974. Wara xi snin ta’ ħidma pastorali fl-Arċidjoċesi ta’ Napli, huwa daħal fis-servizz diplomatiku tas-Santa Sede. Huwa ħadem fin-Nunzjatura Apostolika ġewwa Rwanda, fil-Filippini u ġewwa Venezwela. Mill-1989 ‘il quddiem, huwa ħadem fis-Segreterija tal-Istat tal-Vatikan, fejn imbagħad, fl-1993 inħatar mill-Papa Ġwanni Pawlu II biex ikun il-Kap tal-Protokoll. Nhar it-3 ta’ Settembru 2007, il-Papa Benedittu XVI ħatar lil Monsinjur Tommaso Caputo biex ikun Nunzju Appostoliku ġewwa Malta u fil-Libja, waqt li ġie assenjat is-sede titulari ta’ Otricoli. Il-Papa Benedittu XVI ordnah isqof nhar id-29 ta’ Settembru 2007 ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan.
Wara dawn il-ħames snin ta’ servizz bħala Nunzju Appostoliku ġewwa Malta u l-Libja, l-Arċisqof Tommaso Caputo issa se jibda missjoni ġdida bħala l-Arċisqof-Prelat ta’ Pompei u Delegat Pontifiċju għas-Santwarju ta’ Pompei li twaqqaf mill-Beatu Bartolo Longo fis-seklu 19. Dan is-santwarju dedikat lill-Madonna għandu storja twila ta’ devozzjoni, missjoni u evanġelizzazzjoni permezz tat-talba tar-Rużarju. Bartolo Longo, avukat li għadda minn esperjenza profonda ta’ konverżjoni, kien il-promotur tal-bidu tad-devozzjoni Marjana ġewwa Pompei, kif ukoll il-fundatur ta’ bosta karitajiet għall-orfni, it-tfal, il-migranti u dawk li huma vittmi tad-droga. Fir-rwol il-ġdid tiegħu, l-Arċisqof Caputo, bħala r-Ragħaj tal-Knisja lokali ta’ Pompei, se jkun responsabbli għall-ħajja pastorali ta’ din l-Arċidjoċesi, kif ukoll tal-attivita’ kollha devozzjonali u karitatevoli marbuta mas-Santwarju ta’ Pompei.
Monsinjur Pawlu Cremona O.P, Arċisqof ta’ Malta u l-Monsinjur Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, f’isem il-Knisja f’Malta u Għawdex, jixtiequ jieħdu din l-okkażjoni biex jifirħu lil Monsinjur Caputo għal dan is-sinjal ġdid ta’ fiduċja li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI għoġbu juri lejn Monsinjur Caputo. Jixtiequ jirringrazzjawh għal dawn il-ħames snin ta’ servizz tajjeb u fidil, u tal-appoġġ kontinwu li huwa ta lill-Knisja fil-gżejjer tagħna. Iwegħduh it-talb tagħna biex jakkumpanjawh f’din il-missjoni ġdida tiegħu bħala ragħaj spiritwali tal-Arċidjoċesi ta’ Pompei.