Nhar l-Erbgħa, 22 ta’ Settembru, 2010, ġie inawgurat Ċentru Edukattiv sponsorjat mill-Fondazzjoni Voices fiċ-Ċentru Terapewiku tal-Caritas Malta f’San Blas. B’hekk il-Caritas issa għandha Ċentru Edukattiv mgħammar bl-aktar faċilitajiet riċenti, u dan se jgħin biex jgħolli l-livell tal-edukazzjoni li tingħata lill-klijenti tal-Caritas bħala parti mill-programm tagħhom għar-riabilitazzjoni mill-użu tad-droga. Iċ-Ċentru ser joffri wkoll titjib f’dak li huwa taħriġ tal-istaff tal-Caritas.
Iċ-Ċentru gie inawgurat miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Voices s-Sur Antonello Gauci u mid-Direttur tal-Caritas Malta Mons. Victor Grech.
Il-Fondazzjoni Voices tagħti kunċerti popolari kull sentejn biex tiġbor fondi li jmorru biex jgħinu istituzzjonijiet tal-karità. Għall-kunċert “Tell me Why” li sar fl-2008, u li kellu ż-żgħażagħ bħala t-tema tiegħu, ingħażlet il-proposta tal-Caritas Malta biex 50% tal-fondi miġbura permezz tal-kunċert imorru għaċ-Ċentru Edukattiv. Dan għax l-idea ta’ dan il-proġett kienet taqbel sew mat-tema tal-kunċert għal dik is-sena.
Il-Caritas Malta tagħmel programmi ta’ riabilitazzjoni għal persununi, l-aktar żgħażagħ, biex dawn jgħelbu l-addizzjoni għad-droga. F’ambjent ħieles mid-droga u l-periklu, il-programmi jgħinu lir-residenti jiskopru u japprezzaw il-valuri li permezz tagħhom ikunu jistgħu ibiddlu triqathom u jerġgħu isibu posthom fis-soċjetà bħala ċittadini responsabbli.
Parti mill-proċess ta’ riabilitazzjoni hija l-edukazzjoni, kemm fuq livell akkademiku kif ukoll fuq dak prattiku, biex ir-residenti jkunu jistgħu isibu, jesploraw u jqawwu l-potenzjal tagħhom. Dan kien qiegħed isir permezz ta’ faċilitajiet, u tagħmir li kienu jippermettu r-riżorsi finanzjarji limitati tal-Caritas Malta. Iċ-Ċentru Edukattiv sponsorjat mill-Voices ifisser titjib sinifikanti fil-parti edukattiva tal-programmi ta’ riabilitazzjoni li toffri l-Caritas Malta.
Is-Sur Gauci qal li l-Voices kienu japprezzaw għafna x-xogħol li tagħmel il-Caritas mar-residenti ta’ San Blas u fiċ-ċentri l-ogħra tagħha għar-riabilitazzjoni mill-użu tad-droga. Huwa qal li l-iżvilupp u t-tagħmir taċ-Ċentru kienet l-ewwel fażi tal-progett. Fit-tieni fażi l-Voices ser jiffinanzjaw l-ispejjeż tal-għalliema fiċ-Ċentru għall-għames snin li gejjin.
Huwa qal li l-fondi migbura mill-kunċert li se jagħmlu l-Voices x-xahar id-diegħel ser imorru biex jiffinazjaw progetti bgħal dan. Id-dgħul mill-ewwel lejla tal-kunċert ser imorru għall-Malta Community Chest Fund.
Mons. Grech qal li ċ-Ċentru sar fejn qabel kien hemm id-dormitorju tar-residenti nisa f’San Blas. Il-programm ta’ riabilitazzjoni għan-nisa issa qiegħek isir fiċ-ċentru tal-Caritas Birkirkara. Huwa rringrazzja lis-Sur Gauci u lill-Fondazzjoni Voices tal-għotja tagħhom u talli jiddedikaw l-energiji tagħhom bgħala kor biex jgħinu lil nies fil-bżonn. Huwa rringrazzja wkoll lill-membri tal-Caritas Malta u r-residenti li taw sehemhom għall-iżvilupp taċ-Ċentru Edukattiv.