Illum ġie inawgurat il‑Caritas Community Centre fil‑Blata l‑Bajda, il-binja l-ġdida minn fejn il-Caritas se tkun qed tkompli toffri s-servizzi u l-għajnuna tagħha lil kull min ikollu bżonn.

Iċ-ċentru ġie inawgurat mill‑Arċisqof Charles Scicluna u l‑Prim Ministru Robert Abela. Il‑binja taċ‑ċentru, li hi propjetà tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, ingħatat lil Caritas Malta b’titlu ta’ ċens għal 65 sena u l‑proġett sar b’investiment ta’ kważi €5 miljun bejn l‑Arċidjoċesi, Alfred Mizzi Foundation, il‑Malta Community Chest Fund, u l‑Kunsill Malti għas‑Settur tal‑Volontarjat u fondi Ewropej fosthom il-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali (NDSF).

Il-Caritas Community Centre se jiġbor fih is‑servizzi komunitarji kollha tal‑Caritas ħlief dawk residenzjali. Dawn jinkludu l‑uffiċċji amministrattivi, l‑uffiċċju ta’ Appoġġ (advocacy) u Riċerka, il‑koordinament tad‑djakonika fil‑parroċċi u l‑koordinament tax‑xogħol għall‑prevenzjoni fl-iskejjel. Iċ‑ċentru se joffri wkoll faċilitajiet lil entitajiet oħra tal‑Knisja u għaqdiet soċjali biex ikunu jistgħu jagħmlu taħriġ, laqgħat kif ukoll attivitajiet soċjali.

L‑Arċisqof iddeskrieva l-proġett bħala statement sabiħ ta’ tama li tat Malta “u għamilnieh flimkien. Dan hu statement ta’ tama għall‑pajjiż għax hu wkoll turija li meta naħdmu flimkien – Knisja, stat u privat – nagħmlu affarijiet kbar u naslu. Niżirgħu żerriegħa ta’ tama f’ħafna qlub, nirbħu ħafna distinzjonijiet u weġgħat, meta nieħdu ħsieb lil kull wieħed u waħda minna, b’mod speċjali dawk li għandhom bżonn l‑iżjed għajnuna.”

Dan hu statement ta’ tama għall‑pajjiż għax hu wkoll turija li meta naħdmu flimkien – Knisja, stat u privat – nagħmlu affarijiet kbar u naslu

L-Arċisqof Charles Scicluna

Il‑Prim Ministru Robert Abela faħħar ħidmet il‑Caritas u xogħol il‑professjonisti tagħha, li jsir b’dedikazzjoni liema bħalha kif ukoll jagħti ċ‑ċans lin‑nies li tappoġġja, ikunu jistgħu jagħtu kontribut lil pajjiżna. Hu sejjaħ dan iċ‑ċentru bħala “rigal lis‑soċjetà tagħna”.

Id‑Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt, qal: “Fis‑sena li dħalna fil‑binja u bdejna noperaw missejna l‑ħajja ta’ 800 persuna bi problemi soċjali diversi, 700 persuna bi problema tad‑droga u 500 qraba tal‑klijenti ta’ Caritas. Flimkien ma’ entitajiet soċjali oħra tal-Knisja, Caritas tat appoġġ lill-parroċċi fil-ħidma tagħhom ma’ 1,300 familja. Flimkien naħdmu b’filosofija li l‑fqir ħaqqu l‑aħjar u jkollu aċċess għall‑appoġġ b’dinjità.”

Is‑Sur Gatt għalaq id‑diskors tiegħu bil‑frażi ta’ Dun Victor Grech, l‑ewwel direttur tal‑Caritas: “Kif għoġob lill‑Mulej, hekk sar. Jekk nibqgħu qalb waħda fih, il‑frott jitkattar”.

Preżenti għall‑konferenza stampa kien hemm ukoll is‑Segretarja Ġenerali ta’ Caritas Europa Maria Nyman li faħħret ix‑xogħol li qed jitwettaq f’Malta; kif ukoll diversi kollaboraturi mill‑Knisja u mill‑istat, benefatturi, ħaddiema u voluntiera tal‑Caritas – li permezz tagħhom dan il‑proġett seta’ jsir realtà.

Kull min jeħtieġ l‑għajnuna ta’ Caritas Malta jista’ jċempel 2219 9000 jew iżur caritasmalta.org