L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Inbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!” (Mk 2:22) Dan hu l-kliem ta’ Ġesù llum, fl-Evanġelju skont San Mark. Hu kien qed ikellem lid-dixxipli ta’ Ġwanni u lill-Fariżej. Kienu qegħdin jistaqsuh, u hu jgħid din il-metafora: li int ma tqiegħedx inbid ġdid f’damiġġani qodma, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani u jintilef kemm l-inbid kif ukoll id-damiġġani. Imma nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda. Xi tfisser din il-metafora, li tgħaqqad ukoll ma’ dak li jgħid qabel Ġesù: “Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida” (Mk 2:21)?
Hawn qed jitkellem fuq il-ġdid u l-qadim. X’irid jgħid Ġesù b’dan il-kliem tiegħu? X’inhu l-ewwel nett “il-ġdid”? Il-ġdid hu l-ħajja li ġabilna Ġesù, il-grazzja tiegħu, l-imħabba tiegħu, il-ħajja li jagħtina permezz tal-Ispirtu tiegħu. Dak huwa l-ġdid. Imma biex dan il-ġdid aħna naċċettawh, irid li jkollna qalb miftuħa, moħħ li jaċċetta dan il-ġdid, aħna kollna kemm aħna rridu li nilqgħu dan il-ġdid fina; inkella, ma jirnexxilniex li fina jkollna din il-ħajja li jagħtina Ġesù. Qed jgħid Ġesù li l-ħajja li jagħtina Alla mhijiex xi ħaġa li sempliċiment traqqa’ dak li jkun hemm, imma hi xi ħaġa li ġġedded il-bniedem kollu, il-Knisja, is-soċjetà. U jiddependi minna nilqgħuhiex din il-ħajja ta’Alla fina.
Jista’ jkun – u dan huwa l-qadim – li minħabba diversi affarijiet li nkunu marbutin magħhom, nimblukkaw din il-ħajja ta’ Alla fina, u għalhekk ma tkunx tista’ tidħol fina biex tibdilna għall-aħjar. Hawnhekk Ġesù qed ikellem lil nies li kellhom kultant din id-diffikultà, speċjalment il-Fariżej. Jista’ jiġri dan fina li, minħabba raġuni jew oħra, ma nħallux il-ħajja ta’ Alla tidħol fina – per eżempju, għax inkunu marbutin ma’ tradizzjonijiet li jkun għadda żmienhom.
Hawn irridu niftakru, naturalment, li Ġesù mhux qed jgħid li dak li hu antik tarmih. Mhux qed jgħid li aħna ma għandniex nippreservaw il-patrimonju li rċevejna minn ta’ qabilna. Aħna għandna d-dmir, hi responsabbiltà tagħna li nħarsu l-wirt li rċevejna. Imma qed jitkellem hawnhekk fuq dak li aħna kultant nintrabtu miegħu, li għandu jinbidel maż-żmien imma nibqgħu marbutin ma’ dak li jimblokka l-ħajja ta’ tiġdid li Alla jrid iġib fina.
Ħa nsemmi l-ħajja tagħna personali. Jekk jien imdorri nagħmel xi ħaġa, per eżempju, imdorri nitkellem kif ġie ġie. Meta l-ħajja ta’ Alla tidħol fija, trid tgħinni biex ninbidel f’dan. Ma nibqax bl-istil tal-ħajja tas-soltu, u qisni ndaħħal xi affarijiet reliġjużi biex inraqqa’. Il-ħajja ta’ Alla għandha tibdel dak li ma jogħġobx lil Alla fil-mod kif inġib ruħi. Inkella nkun sempliċiment qed inraqqa’. Il-ħajja ta’ Alla fina tfisser li ġġeddidna speċjalment fil-qalb tagħna, minn ġewwa. Jekk jien l-istil tal-ħajja tiegħi hu li nivvendika ruħi minn ħaddieħor, m’inix se nagħmel xi ħaġa ta’ devozzjoni reliġjuża u nkompli għaddej bl-istil tal-ħajja tiegħi. Trid tgħinni biex ninbidel. Din hija mixja ħajjitna kollha, imma jrid ikollna qalb miftuħa għal dan il-ġdid li jġib Alla fina.
U bħalma jiġri fil-każ tagħna personali, jiġri wkoll fil-ħajja tal-Knisja. Aħna, fil-ħajja tal-Knisja, għandna dejjem dan it-tiġdid li jġib Alla fina. Ikun żball jekk nintrabtu ma’ ċerti drawwiet li hemm bżonn jinbidlu, qed ngħid għal drawwiet pastorali. Kultant tismagħha din. Tmur f’xi postijiet u jgħidulek: “hawnhekk dejjem hekk sar”. Ħalliha li mhux dejjem, għax jekk ilha ssir ħamsin sena, m’ilhiex minn żmien Ġesù Kristu, hi ħafna aktar viċin tagħna. Imma rridu naraw jekk dawn id-drawwiet humiex jgħinuna jew itellfuna milli jkollna din il-ħajja ta’ Alla fina llum, u milli nistgħu nwasslu l-Aħbar it-Tajba llum. Il-qawwa ta’ Alla ġġeddidna jekk aħna tassew inkunu miftuħa għal dan it-tiġdid, u jgħinna biex illum, b’metodi ġodda, inwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-oħrajn. Għalhekk Ġesù fuq hekk qed jitkellem meta jgħid: “inbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda”.
It-talba li nagħmlu llum f’din il-quddies hi biex kemm aħna personalment, kemm fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja tas-soċjetà nkunu miftuħin għal dan il-ġdid li jġib Alla fina. Qalbna tkun miftuħa għalih, lesti li nagħmlu dak li jurina hu, bid-dawl tiegħu, li jiswa li nagħmlu llum. Nitolbuh biex jagħtina l-qawwa li tgħinna biex negħlbu r-reżistenzi li kultant nagħmlu aħna għal dan il-ġdid li jġib Alla fina.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju