Il-Papa Benedittu XVI se jkun qed jagħti indulġenza plenarja lil dawk li se jkunu qed jieħdu sehem fil-21 Jum Dinji tal-Morda, li se jkun iċċelebrat bejn is-7 u l-11 ta’ Frar 2013 f’Altotting fil-Ġermanja. Dan skont digriet ippubblikat u ffirmat mill-Kardinal Manuel Monteiro de Castro u l-Isqof Krzysztof Nykiel mill-Penitenzjarju Appostoliku.
Fuq l-eżempju tas-Sammartin it-tajjeb, kull min fi spirtu ta’ fidi jingħata għas-servizz tal-oħrajn li qed ibatu, speċjalment fil-mard, jirċevi indulġenza plenarja darba kuljum skont il-kundizzjonijiet marbuta magħhom.
Intqal li kull darba bejn is-7 u l-11 ta’ Frar li fis-santwarju Marjan fil-Ġermanja u fi kwalunkwe post ieħor indikat mill-Knisja, persuna tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni; flimkien ma’ opri oħra ta’ għajnuna lill-morda – tkun qed tingħata l-indulġenza.
Indulġenza parzjali tingħata lil dawk li fl-istess perjodu jitolbu mill-qalb lil Alla fl-istess kuntest ta’ għajnuna lill-morda fl-ispirtu ta’ din is-sena li hi ddedikata lill-fidi.