L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Amministratur ħażin” (Lq 16:8). Hekk isejjaħlu Ġesù lil dan l-amministratur li fuqu qal din l-istorja – storja ta’ bniedem għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qed iberbaqlu ġidu. Jidher li s-sid emminha din, għax meta sejjaħlu, qallu: “ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi” (Lq 16:2). Imma jidher li anke l-amministratur b’xi mod ammettieha din, għax meta sejjaħlu sidu, ma qallux: isma’, dan li qed tisma’ fuqi huma xnigħat foloz, mhu veru xejn, ħa nurik kif mhux veru. Ma hemm xejn minn dan! Mhux biss, imma meta l-amminstratur ħaseb x’għandu jagħmel, kompla jberbaq il-ġid tas-sid: meta ltaqa’ ma’ xi ħadd li kellu jagħtih mitt barmil żejt, qallu “ikteb ħamsin” (Lq 16:6); u lil dak li kellu jagħti mitt xkora qamħ, qallu “ikteb tmenin” (Lq 16:7). Kien amministratur ħażin għax iberbaq ġid is-sid, u kompla hekk sal-aħħar.

X’kienet ir-reazzjoni tas-sid? Ir-reazzjoni naturali hi li dan jibda jirrabja, u jgħid, meta jsir jaf b’dil-biċċa xogħol: ara kemm kelli raġun ngħidlu li qed iberbaqli ġidi! Imma l-Evanġelju jgħid li s-sid “faħħar lill-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu” (Lq 16:8). Naturalment, għandi nifhem li xorta keċċieh; faħħru, u keċċieh ’il barra. Imma nnota dil-ħaġa: dan jaf iħaddem rasu biex isalva ġildu.

X’inhu l-messaġġ li dan l-Evanġelju jagħtina għal ħajjitna? L-ewwel nett, li dak li hu ħażin għandna nsejħulu ħażin. Dan l-amministratur kien qed iberbaq il-ġid ta’ dal-bniedem. U kull meta jkun hemm amministratur li flok jamminstra tajjeb, b’lealtà, juża l-flus li mhux tiegħu biex jiggwadanja hu jew sħabu, qed jagħmel ħażin. Kull min jidħol fi frodi jew korruzzjoni u jberbaq ġid li mhux tiegħu imma ta’ ħaddieħor, qed jagħmel ħażin. Hu importanti li nagħrfu dan u l-ħażin insejħulu ħażin. Fl-Ewwel Qari, San Pawl lill-Filippin jgħidilhom, ħin minnhom, fuq nies li “jiftaħru b’dak li jmissu jistħu minnu” (Fil 3:19). Kemm hu importanti dan! Għax jekk il-ħażin nibdew insejħulu tajjeb, jew nirraġunaw: u iva, ara x’jaqbillek, fejn tidħol l-amministrazzjoni – hemmhekk verament inkunu qed nagħmlu dak li jgħid San Pawl: niftaħru b’dak li jmissna nistħu minnu.

Mhux biss. Hemm ħaġa oħra hawnhekk, għax dan il-bniedem kellu l-kompliċi – lil dawn in-nies li kellhom jagħtu lis-sid, u hu qalilhom biex flok mija jiktbu ħamsin, flok mija jiktbu tmenin. Jekk kienu jafu x’qed jagħmlu, jiġifieri jafu li ġejja manuvra ħażina, dawk kompliċi. Irridu noqogħdu attenti li ma nkunux kompliċi f’dak li hu ħażin.

Fil-fatt, hemm messaġġ ieħor importanti ieħor li jagħtina Ġesù, fl-aħħar tal-Evanġelju, meta jgħid: “ulied id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom” (Lq 16:8). Ġesù qed jgħidilna: dan ħaddem rasu biex isalva ġildu, aħna għandna nħaddmu rasna biex nimxu b’onestà, b’integrità, imma wkoll biex ħadd ma jqarraq bina, biex ħadd ma jużana, biex aħna ma nkunux kompliċi ta’ min jagħmel il-ħażin. Għalhekk Ġesù jgħid li hu importanti li aħna nimxu tajjeb, imma wkoll li nagħrfu ma nħallux min imexxina b’mod ħażin. Dan hu l-għaqal li jrid minna Ġesù, dan hu l-mod kif inħaddmu rasna, li jrid minna Ġesù.

Nitolbuh, l-ewwel nett li fil-ħajja jkollna l-valuri etiċi importanti: li nimxu b’onestà, b’integrità, u li s-sewwa nagħmluh sal-aħħar; u wkoll li nħaddmu rasna, inkunu għaqlin, biex ħadd lilna ma jużana, u ħadd ma jqarraq bina.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju