Ir‑religious counsellors u ċ‑chaplains li jaħdmu fl‑iskejjel tal‑Istat u Indipendenti ltaqgħu sabiex jaqsmu l‑ideat u l‑esperjenzi tagħhom fuq kif jistgħu jkomplu jrawmu l‑fidi Nisranija, jippromwovu l‑inklussività, u jindirizzaw il‑ħtiġijiet spiritwali ta’ diversi komunitajiet fl‑iskejjel.
Huma għarfu l‑importanza li fl‑iskejjel għandu jkun hemm mudell ta’ fidi permezz ta’ azzjonijiet, valuri u r‑relazzjonijiet mal‑membri differenti tal‑komunità tal‑iskola. Enfasizzaw ukoll li l‑multikultaraliżmu fost l‑istudenti għandu jħeġġeġ lir‑religious counsellors biex ikomplu jkunu mezz ta’ djalogu mal‑istudenti u l‑edukaturi.
Ir‑religious counsellors iddiskutew ukoll l‑isfidi varji li qed jiltaqgħu magħhom fl‑iskejjel, fosthom kif qed tevolvi l‑edukazzjoni, il‑bidliet fis‑soċjetà, u li għandhom jiġu indirizzati l‑ħtiġijiet spiritwali u emozzjonali tal‑istudenti, l‑edukaturi u l‑familji.
Għal‑laqgħa kien mistieden ukoll l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi li ħeġġiġhom jibqgħu jaħdmu għaliex minkejja ż‑żminijiet qed jinbidlu, għad hemm xewqa ġenwina għall‑preżenza ta’ religious counsellors u chaplains fl‑iskejjel. Stqarr li din hija grazzja kbira għall‑Knisja f’Malta u opportunità li m’għandhiex tittieħed b’mod ħafif għaliex din turi l‑importanza tal‑edukazzjoni spiritwali fl‑edukazzjoni ħolistika t‑tfal.
Il‑ħidma tar‑religious counsellors u ċ‑chaplains fl‑iskejjel issaħħaħ l‑idea li l‑fidi hija pont li tgħin biex tikber l‑għaqda bejn persuni minn kulturi differenti u tkabbar l‑esperjenza edukattiva għal kulħadd.
Il‑laqgħa ġiet organizzata mit‑taqsima Iżvilupp Spiritwali fl‑Iskejjel fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li toffri riżorsi u għodod ta’ għajnuna u appoġġ lir‑religious counsellors.
Għal aktar tagħrif żur sds.mt