-
Aħna lkoll grati lejn il-familji Maltin u Għawdxin. Kemm bħala Knisja kif ukoll bħala soċjetà, aħna midjunin lejn il-familji għaliex huma l-aqwa riżorsa tagħna. Anke jekk mhux kollox huwa ward u żahar fl-istorja tal-familji tagħna, aħna konvinti li hemm aktar ward milli xewk. Hija x-xewqa tal-Knisja li tgħin biex jitkattar dak li huwa sabiħ u jfewwaħ fil-familji tagħna. Il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu tqanqalna biex anke lill-familji miġrugħa ngħinuhom jagħmlu l-qalb għax bid-duwa li joffrilhom Kristu, il-feriti tagħhom jistgħu jagħlqu u jerġgħu jibdew jarmu l-fwieħa.
L-imħabba u l-interess lejn il-familja nebbħu lill-Papa Franġisku jsejjaħ żewġ Sinodi dwar il-familja. Ftit tal-ġimgħat ilu, l-Papa bagħtilna d-dokument finali tas-Sinodu straordinarju li sar f’Ottubru li għadda, flimkien ma’ kwestjonarju, biex il-poplu t’Alla fid-diversi pajjiżi jirrifletti u jiddiskuti l-punti li hemm f’dan id-dokument sabiex, fi kliem il-Papa, “jinstabu soluzzjonijiet prattiċi għal għadd ta’ diffikultajiet u ħafna sfidi li l-familja qed ikollha tħabbat wiċċha magħhom”. Dan ikun il-kontribut tagħna għas-Sinodu li ser isir f’Ottubru li ġej, li ser ikollu bħala suġġett “Is-sejħa u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum”. Lejn nofs April li ġej, aħna l-isqfijiet ser nibgħatu lis-Segreterija tas-Sinodu r-riżultati ta’ din ir-riflessjoni li ser issir fuq livell lokali, biex imbagħad jitħejja il-“working document” għas-Sinodu li jmiss.
Bil-għan li l-poplu t’Alla f’dawn il-gżejjer jieħu sehem f’din il-fażi ta’ tħejjija għas-Sinodu li ġej, qed nipproponu dawn l-inizjattivi:
- Traduzzjoni bil-Malti tal-Lineamenta (maħruġa fuq il-website ‘vatican.va’ fid-9 ta’ Diċembru 2014) ser titqiegħed fuq il-website taż-żewġ diocesijiet u dik tal-lajċi, u kull min irid, nistednuh jibgħat ir-riflessjonijiet tiegħu fuq id-domandi li hemm fil-Lineamenta lis-Segreterija Pastorali – [email protected].
- Il-parroċċi jkollhom sehem f’dan il-proċess ta’ tħejjija għas-Sinodu. Flimkien maċ-ċentralità tat-talb għas-Sinodu, dan jista’ jsir, per eżempju, permezz ta’ Assemblej parrokkjali, jew b’feedback li jingħata minn strutturi/gruppi oħra parrokkjali. Fil-live-in li se jsir f’Jannar 2015 u li għalih se jattendu l-kappillani ta’ Malta u Għawdex, ikun komunikat b’liema mod il-parroċċi jkunu involuti.
- Qed nitolbu lill-Fakultà tat-Teoloġija biex jitwaqqfu żewġ working groups, ikkoordinati mill-Fakultà, fuq żewġ aspetti prinċipali (l-ewwel u t-tielet parti) tal-Lineamenta: (a) Is-sitwazzjoni preżenti: il-kuntest u l-isfida għall-ħajja tal-familja; (b) Il-perspettiva pastorali. Dawn il-gruppi jkunu jinkludu lecturers mill-Fakultà tat-Teoloġija u minn Fakultajiet oħra, kif ukoll persuni li jistgħu jagħtu kontribut f’dawn l-oqsma. L-iskop hu li jiktbu r-riflessjonijiet tagħhom – b’rabta mad-domandi fil-Lineamenta – u jlestuhom sa tmiem Frar 2015.
- Il-Kummissjoni Teoloġika Interdjoċesana hija mistiedna tiffoka fuq it-tieni parti tal-Lineamenta (L-Evanġelju tal-Familja) b’riflessjoni li twieġeb għad-domandi li hemm fid-dokument. Jagħmlu dan sa tmiem Frar 2015.
- Ser isir kuntatt ukoll mal-għaqdiet/movimenti/gruppi fi ħdan il-Knisja, biex huma wkoll jieħdu sehem f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni billi jagħtu r-riflessjonijiet tagħhom fuq il-Lineamenta. Attenzjoni partikulari tingħata lil dawk l-entitajiet li huma iktar involuti direttament fil-qasam tal-familja (ez. Moviment ta’ Kana, l-Istitut tal-Familja Ġwanni Pawlu II).
- Isir kuntatt ukoll mal-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi biex il-Kongregazzjonijiet Reliġjużi f’Malta u Għawdex jkunu jistgħu jagħtu l-kontribut tagħhom fid-dawl tal-Lineamenta.
- Bħala parti mit-tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet, ikunu inklużi punti li joħorġu mill-Konferenza Pubblika li se tiġi organizzata fid-9 ta’ Jannar 2015 mill-Ġiżwiti Maltin bit-tema ‘Pastoral care of families in difficult and painful situations’, u fiha jitkellem Pablo Guerrero Rodriguez S.J.
- Ser ikunu nklużi wkoll, bħala parti mit-tħejjija għas-Sinodu, il-kontributi li se jsiru fil-Konferenza Reġjonali li se ssir Malta fl-20 ta’ Frar 2015 organizzata mill-Kumitat tal-European Society for Catholic Theologians u mill-Fakulta tat-Teologija, u li se tiddiskuti din it-tema.
- Fix-xhur bejn Jannar u Marzu 2015, isiru laqgħat oħra ma’ nies kwalifikati jew li b’xi mod jistgħu jagħtu kontribut biex ikun hemm aktar feedback fuq id-domandi li huma inklużi fil-Lineamenta.
Nagħmlu appell biex ħafna jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet u inizjattivi oħra li jista jkun hemm bil-għan li din id-diskussjoni tkun waħda wiesgħa u interessanti, u nħeġġu ukoll biex fil-familji u fil-komunitajiet ekkleżjali tingħad it-talba li l-Papa Franġisku kiteb għall-okkazzjoni. Filwaqt li npoġġu din il-ħidma taħt il-ħarsien tal-Familja Mqaddsa, nixtiequlkom is-Sena t-Tajba.
✝ MARIO GRECH ✝ CHARLES JUDE SCICLUNA
Isqof ta’ Għawdex Isqof titulari ta’ San Leone
President tal-Konferenza Episkopali Amministratur Appostoliku ta’ Malta