L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Bdejna naqraw it-tieni Evanġelju, l-Evanġelju skont San Mark. U San Mark jibda billi jispjegalna xi tfisser il-kelma ‘evanġelju’: “Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla” (Mk 1:1).
X’inhu l-għerq ta’ din il-kelma li bil-Grieg tfisser ‘aħbar tajba’ – evangélio? Kienet tintuża meta fil-bliet u rħula kienet tixxandar il-miġja tas-sultan; qed ngħidu eluf ta’ snin ilu, u anke fi żmien Ġesù u qabel, anke qabel iż-żmien il-profeta Iżaija 300 sena qabel Ġesù. Meta kien ikun ġej is-sultan kien jibgħat ħabbara b’din l-aħbar tajba: ġej is-sultan. It-toroq ta’ dak iż-żmien kellhom bżonn wieħed jirranġahom sew qabel jgħaddi s-sultan u allura parti minn din l-aħbar kienet ukoll: ħejju t-triq għax ġej is-sultan. U din kienet tfisser il-kelma ‘evanġelju’ fi żmien il-profeta Iżaija u fi żmien ukoll Ġesù, fi żmien San Mark.
Tant u hekk li fl-ewwel qari lal-lum smajna l-profezija ta’ Iżaija li nkitbet 300 sena qabel Ġesù, li mbagħad San Mark jibda l-Evanġelju tiegħu biha. “Leħen għajjat: ħejju t-triq tal-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri, jintradam kull wied, jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet, kull art imħattba titwitta u l-art imħarrbta issir maqgħad” (Iż 40:3-4). Dawn kienu b’xi mod dawk li kienu jagħmlu ġgajtiet ta’ ħaddiema biex jippreparaw it-triq ħalli jkun jista’ jgħaddi s-sultan.
Il-kelma ‘Evanġelju’ li uża San Mark jgħaqqadha propju ma’ din l-użanza bħalma hu miktub fil-ktieb tal-profeta Iżaija: “Ara jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”. Imma minn dak li qabel kienu jgħidulu l-Public Works – ma nafx x’kienu jgħidulhom fi żmien Ġesù – imma meta kont ċkejken jien u anke kont noqgħod hawn l-Iklin, hekk kienu għadhom jgħidulhom. Illum għandhom isem ġdid imma għandna bżonn xorta min isewwi t-toroq għax ikun hemm bżonn minn tant żmien għall-ieħor li jsiru aħjar. Minn dak l-aspett materjali, San Mark juża l-istess kelma għall-aħbar tajba li hi l-aħbar tajba jgħidilha hu stess ta’ Ġesù. “Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla” (Mk 1:1).
U x’inhuma l-mogħdijiet li rridu nħejju? Huma l-mogħdijiet tal-qalb tagħna, dak li għandna bżonn inwittu biex aħna nilqgħu lill-Mulej li ġej. Inħejju t-triqat biex jilqgħuh. Huma t-triqat ta’ ħajja tajba. U Ġwanni l-Għammied, Ġwanni li hu l-profeta li jħabbar il-miġja tal-Mulej, ma jitkellimx fuq it-toroq ta’ din id-dinja. Jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet.
Din hi t-tieni kelma li jintroduċi l-evanġelista Mark fl-ewwel ftit sentenzi tal-Evanġelju tiegħu: magħmudija. Hu jagħmel differenza bejn il-magħmudija ta’ ndiema u l-magħmudija li ġab Ġesù, il-magħmudija bl-Ispirtu s-Santu jgħidilha. Imma x’inhi l-kelma ‘magħmudija’? Il-magħmudija, kieku jkollna nittraduċuha bl-Ingliż, hi full immersion: meta inti tgħaddas xi ħadd f’xi element, fl-ilma pereżempju. Aħna fis-sajf ngħoddsu fil-baħar imma li tgħammed lil xi ħadd hu li tgħoddsu propju f’xi element, x’aktarx fl-ilma. U Ġwanni kien jagħmel din ix-xi ħaġa, dan is-sinjal, imma kien isejħilha mhux magħmudija tal-ilma imma magħmudija tal-indiema. Kienet sinjal bħalma hi sinjal il-magħmudija li biha aħna nitgħammdu ta’ xi ħaġa iżjed importanti, xi ħaġa spiritwali
Il-magħmudija tal-indiema kienet importanti għax Ġwanni ried iħejji t-triq għal Ġesù billi lilna jgħallimna dan l-atteġġjament pożittiv: jiena rrid inkun aħjar. Mela l-indiema mhix xi ħaġa li nħares lura u jiddispjaċini u r-rimors u tikolni l-kuxjenza u ma tħallinix norqod, mhix dik l-indiema li jrid Alla u lanqas indiema li jieħu pjaċir biha. L-indiema li jrid jgħamiddna l-Mulej biha aħna u nħejju ruħna biex nilqgħuh, hi dak l-atteġġjament li ngħid: ‘żbaljajt imma se nagħmel ħilti biex inkun aħjar’. Mela jiena nitgħallem mill-iżbalji tiegħi, mhux niċċanfar u nitkisser. Nagħmel ħilti biex il-ħajja tiegħi tkun aħjar mhux bl-għajnuna tiegħi imma bl-għajnuna ta’ Alla. Jiena li għandi bżonn ir-rieda tajba.
Nitgħallmu ftit anke mit-tiżjin li nagħmlu. Ma nħallux lanqas affarijiet żgħar mbagħad itellfulna l-festa kollha. Nippruvaw nikkonċentraw fuq dak li hu essenzjali.
Allura, l-aħwa, meta nindunaw anke f’din il-mixja tal-Avvent li hemm xi ħaġa li qiegħda ttaqqalna u forsi ma nistgħux neħilsu minnha malajr, ma naqtgħux qalbna. Il-magħmudija tal-indiema hi proċess mhux ta’ darba. Inti ma tħejjijx triq f’darba u lanqas twitti ħafna diffikultajiet fil-ħajja f’darba. Proċess ta’ paċenzja kbira.
Ġwanni li jintroduċi mill-ewwel San Mark għax San Mark hu evanġelju li ma jitkellimx fuq it-tfulija ta’ Ġesù. San Ġwann mill-ewwel jippreżentalna ’l Ġesù propju adult. Minn hawn u ftit ieħor, wara l-Milied naqraw lil San Mark u l-magħmudija ta’ Ġesù skont San Mark għax San Mark bħal San Ġwann ma jagħtiniex dettalji dwar it-tfulija ta’ Ġesù u anke Ġwanni li aħna fil-Evanġelju ta’ San Luqa niċċelebraw it-tħabbira tiegħu lil missieru Żakkarija u t-twelid tiegħu, iż-żjara ta’ Marija lil ommu, Eliżabetta. Dwar dan m’għandna xejn fl-Evanġelju ta’ San Mark. Lil Ġwanni l-għammied, qarib ta’ Ġesù permezz ta’ Eliżabetta nsibuh diġà adult. Qed jgħajjat fid-deżert fejn mar jgħix jiddependi ħafna minn dak kollu li jagħtih l-ambjent, imma jħejju lill-poplu billi jgħallmu jitnaddaf minn dnubietu u jilqa’ l-magħmudija li se jagħti Ġesù. “Ġej warajja min hu aqwa minni. Jiena għammidtkom bl-ilma” hu sinjal “iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu” (Mk 1:7-8).
U din hi l-mistoqsija li nagħmlu aħna u nżejnu d-djar tagħna, it-toroq tagħna f’dawn il-ġranet qabel il-Milied. Dak huwa sinjal sabiħ li aħna qed inħejju għal festa kbira. Id-dwal li nixegħlu huma dwal ta’ tama, ta’ faraġ, ta’ kuraġġ. Huma dawl fid-dlam. Imma fil-ħajja tiegħi xi jfissru? Ara l-Mulej ħerqan biex jiġi jgħammidni bl-Ispirtu s-Santu, bl-ispirtu tiegħu. Dik il-kelma li smajna f’Iżaija: “Farrġu, farrġu lill-poplu tiegħi” (Iż 40:1).
Waħda mill-frottiet sbieħ tal-Ispirtu s-Santu hu l-faraġ, il-paċi, il-ħniena, il-maħfra. Kultant aħna narmaw xi siġra tal-Milied. Niftakar lil missieri wara xi battikata, Alla jaħfirlu, jagħmel kollox u mbagħad tinqata’ bozza! Kienu għadhom dawk iż-żmien jekk tinqatagħlek bozza trid iddurhom kollha biex tara ftit liema nqatgħet ħalli jerġa’ jixgħel is-sett. U konna nagħmlu sigħat infittxu l-bozza li ntilfet jew inqattgħet u kien ikollu kaxxa tas-sulfarini bil-bozoz iż-żgħar u jbiddilhom. Illum għall-grazzja t’Alla m’hemmx għalfejn dawn il-battikati kollha. Imma kultant aħna wkoll narmaw ħafna affarijiet imbagħad xi ħadd jaqtagħlna l-bozza u jintefa kollox.
Nitgħallmu ftit anke mit-tiżjin li nagħmlu. Ma nħallux lanqas affarijiet żgħar mbagħad itellfulna l-festa kollha. Nippruvaw nikkonċentraw fuq dak li hu essenzjali. Waħda mill-affarijiet sbieħ li timla dan iż-żmien tal-Avvent hi l-ġenerożità tal-qalb tagħna. Se jkollna ħafna okkażjonijiet anke wara l-Milied biex nuru kemm inħobbu lil għajrna u nixtiequ ngħinuh. Dawn l-okkażjonijiet huma wkoll barka minn Alla għax inti qed tagħtik ċans biex tinsa naqra lilek innifsek, forsi tinqaras xi ftit ukoll fil-but għax jekk ma tinqarasx fil-but ma jgħoddx u tgħid: ħa naħseb f’ħaddieħor imqar b’telefonata, jew messaġġ lil xi ħadd li nsejnieh jew iddeċidejna ma niftakrux fih. Dawn il-bozoz ċkejknin fis-siġra ta’ ħajjitna li jixegħlu bħala dawl fid-dlam.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 40:1-5,9-11
Salm: 84(85):8-9ab,10-14
Qari II: 2 Piet 3:8-14
L-Evanġelju: Mk 1:1-8