-
-
Il‑Knisja f’Malta ser tingħaqad mal‑Knisja Universali biex għada, il‑Ħadd 19 ta’ Novembru, tfakkar Jum il‑Foqra. It‑tema għal din l‑ewwel ċelebrazzjoni ta’ Jum il‑Foqra hi: ‘Inħobbu mhux bil‑kliem imma bl‑għemil’. Kien il‑Papa Franġisku li fi tmiem il‑Ġublew Straordinarju tal‑Ħniena ried li jibda jitfakkar dan il‑jum.
Għal din l‑okkażjoni, 16‑il entità tal‑Knisja li jaħdmu fil‑qasam soċjali, flimkien mal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, ħadu sehem f’attività li saret fi Pjazza San Ġorġ, il‑Belt Valletta. Huma appellaw għall‑bidla fil‑mentalità ta’ kif is‑soċjetà tħares lejn il‑persuni foqra u emarġinati, u biex dawn il‑persuni jkunu fiċ‑ċentru tad‑deċizjonijiet li jittieħdu u tal‑istrutturi li jinħolqu għalihom. Ir‑rappreżentati tal‑entitajiet tal‑Knisja impenjaw ruħhom biex bil‑ħidma tagħhom jgħinu lis‑soċjetà tħott l‑inġustizzji li joħolqu l‑faqar u l‑esklużjoni soċjali. Fl‑istess waqt appellaw biex kull persuna tirreaġixxi għall‑kultura tal‑iskart u tal‑ħela.
Il‑Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Mons. Charles Cordina, qal li l‑foqra stess għandhom x’jgħallmu lis‑soċjetà u li fit‑tbatijiet tagħhom jiltaqgħu ma’ Kristu li bata għalina.
L‑entitajiet tal‑Knisja li pparteċipaw f’din l‑attività huma: Caritas, il‑Kummissjoni Ejjew Għandi, il‑Kummissjoni Djar tal‑Anzjani, il‑Kummissjoni Emigranti, Id‑Dar tal‑Providenza, Dar Hosea, Dar Merħba Bik, Jesuit Refugee Service, Paulo Freire Institute, is‑Soċjetà San Vinċenz de Paul, is‑Segretarjat Assistenza Soċjali tal‑Azzjoni Kattolika, il‑Millenium Chapel, il‑Fondazzjoni Suret il‑Bniedem, Dar Osanna Pia, il‑Fondazzjoni St Jeanne Antide u Ħidma Pastorali fl‑Isptarijiet.
Fuq inizjattiva tal‑Papa Franġisku, Jum il‑Foqra ser jibda jiġi ċċelebrat kull sena bil‑għan li l‑komunità Nisranija tkompli tilħaq u tgħin lill‑persuni foqra u emarġinati, u lil dawk l‑irġiel u n‑nies li d‑dinjità tagħhom qed tiġi mkasbra.
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja